Lokali

“Team li jista’ jirriforma u jġedded” – Louis Galea

L-eks Ministru Louis Galea, il-persuna li ingħata r-responsabbilta’ mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sabiex jagħmel ir-Riforma tal-PN, talab lil Alex Perici Calascione sabiex jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-PN. Dan sabiex kemm jista’ jkun malajr, titfassal it-triq ‘il quddiem għall-PN…u jitwaqqaf dak li hu qed isejjaħ “tim ta’ tmexxija”.

F’ittra lill-Kap tal-PN, Louis Galea stqarr illi hu baqa’ jaħdem bi prudenza. U b’mod konxju, qatt ma kkummenta fil-pubbliku dwar il-process ta’ riforma li qed imexxi. Hu insista li dan għamlu fl-interess tal-partit u tal-pajjiż, sabiex ikollna Oppożizzjoni effettiva.

Louis Galea kiteb din l-ittra wara li Adrian Delia sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN. Minn 30 membru, kienu prezenti 25 għal din il-laqgħa. Kien hemm ħames membri assenti u skużati.

Fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, fost materji oħra, ġiet diskussa is-sitwazzjoni politika preżenti fil-pajjiż, filwaqt li saret diskussjoni fit-tul dwar il-qagħda tal-PN fid-dawl tas-surveys tal-aħħar jiem. Dan kien konfermat minn Adrian Delia innifsu f’kummenti lill-ġurnalisti.

“B’mod kostruttiv, irridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza oġġettiv fuq il-mod kif qed naħdmu”, qal Adrian Delia. “U l-bidliet li jridu jsiru mhux se jsiru minħabba survey.”

Id-diskussjoni fil-Grupp kienet deskritta bħala waħda kalma u matura li fiha ħadu sehem 21 deputat.

Skont stqarrija minn numru ta’ deputati, il-Kap tal-Partit Nazzjonlista ħa nota ta’ dak li ntqal u assigura lill-Grupp illi huwa ser jiġi lura fil-Grupp biex jinformah bid-deċiżjoni tiegħu dwar dak li ntqal.

Intant…fi żvilupp ieħor sinifikanti…id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo u Kristy Debono habbru illi irriżenjaw mill-karigi tagħhom ta’ Viċi Kap tal-PN u minn President tal-Kunsill Ġenerali rispettivament.

Robert Arrigo u Kristy Debono infurmaw lill-Kap tal-PN Adrian Delia u lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli bir-riżenja tagħhom permezz ta’ ittra.

Fl-ittra ta’ riżenja tiegħu Robert Arrigo tkellem dwar l-isfidi li hu iffaċċja kemm ilu Viċi Kap tal-PN, fejn tul l-ahhar snin spikka l-impenn tiegħu biex jissolvew il-problemi finanzjarji li l-PN kellu għal zmien twil.Fl-ittra ta’ riżenja tagħha Kristy Debono qalet li hi kienet qed tirriżenja għaliex temmen li f’dan il-mument għandhom jingħataw spazju nies ġodda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.