Żewġ persuni mietu u madwar 30 persuna ndarbu, fosthom wieħed gravi, meta ferrovija ta’ Trenitalia nqalbet viċin Milan fit-Tramuntana tal-Italja.
Sa issa, mhux magħruf eżatt ir-raġuni li wasslet biex il-ferrovija toħroġ mil-linji.
L-inċident seħħ fil-Provinċja ta’ Lodi, madwar 50 kilometru fin-nofsinhar ta’ Milan. Il-ferrovija, li telqet fil-5:10am, kienet għadha kif bdiet il-vjaġġ lejn Salerno (Napli).
Iż-żewġ persuni li mietu kienu ħaddiema tal-istess ferrovija.
Fil-post hemm diversi membri tat-tfii tan-nar kif ukoll ekwipaġġ mediku sabiex jassisti lill-midruba.
L-inċident ħarbat ukoll l-iskeda kollha tal-ferroviji, inkluż is-servizz ta’ Frecciarossa u s-servizz Reġjonali. Il-vjaġġi lejn Piacenza u Bologna dalgħodu kienu affetwati b’dewmien ta’ aktar minn siegħa.
