Lokali Saħħa

Bżonn ta’ aktar kuxjenza dwar l-epilessija

Kont taf li f’pajjiżna hawn 4,000 persuna li jbatu mill-kundizzjoni tal-epilessija u li għad hawn 30% ta’ każi li għadhom mhux ikkontrollati?

Dawn il-fatti ħarġu waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Caritas Malta Epilepsy Association ftit jiem biss qabel id-dinja tfakkar il-Jum Dinji għall-Persuni li jbatu mill-Epilessija, it-Tnejn li ġej, l-10 ta’ Frar.

Għalkemm l-epilessija tista’ tkun ikkontrollata bil-mediċina, għad fadal ħafna li għandhom bżonn l-għajnuna, iżda jibżgħu qabel ma imqar jibdew jegħlbuha. Fil-fatt, il-Caritas hi konxja wkoll li hemm min jaħbi l-kundizzjoni saħansitra minn dawk l-aktar qrib tagħhom.

Dan iwassal għal ħtieġa dejjem akbar ta’ aktar kuxjenza biex tingħeleb darba għal dejjem l-istigma. Fil-fatt, isir taħriġ volontarju lil nies biex ikunu jafu aktar dwar l-epilessija, fosthom lil Pulizija, care workers, staff tal-Inspire u d-Dar tal-Providenza u għalliema.

Għal dan l-għan ukoll, fl-14 ta’ Marzu se tkun qed tittella’ konferenza f’lukanda f’Buġibba bit-tema “Epilessija: X’hemm ġdid?” Għal din l-10 konferenza f’20 sena, organizzata mill-Caritas Malta Epilepsy Association, ġew mistiedna għadd ta’ professjonisti u mediċi lokali u barranin, fejn se jkun ipprovdut ukoll servizz ta’ interpretu għal dawk li jkollhom bżonn.

Il-konferenza, li se tinfetaħ mill-President ta’ Malta George Vella, se jkollha wkoll għadd ta’ workshops interattivi.

Il-Caritas Malta Epilepsy Association ilha mwaqqfa mill-1996 u hi affiljata mal-International Bureau Epilepsy. Tagħmel ħidma siewja ta’ wens u fejqan lill-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni, iżda wkoll lil qraba tagħhom.

Għax hi l-idea ta’ din l-Assoċjazzjoni li meta ssib min jifhmek, il-piż tas-salib ikun eħfef milli kieku tkun waħdek. Il-kelliema appellaw lil min għandu bżonn l-għajnuna biex jagħmel kuraġġ u jfittixha, moħħu mistrieħ li hemm professjonisti kapaċi jgħinu.