Internazzjonali

Ċina: Mewġa ta’ niket u rabja wara l-mewt tat-tabib li pprova jwissi dwar il-coronavirus

Il-mewta ta’ tabib Ċiniż li kien ipprova jiżvela l-ewwel aħbar dwar l-epidemija tal-coronavirus qanqlet mewġa bla precedent ta’ luttu u rabja fost il-poplu taċ-Ċina. Din ir-reazzjoni ‘splussiva’ min-naħa taċ-Ċiniżi segwiet jiem ta’ spekulazzjoni – u akkużi – li l-Gvern komunista f’Beijing kien ipprova jimmiminizza ‘bi ħsieb’ il-gravità tal-virus minbarra li, għall-bidu, stinka biex ‘il-verità ma toħroġx’.

It-tabib, Li Wenliang, miet aktar kmieni fil-ġimgħa wara li spiċċa infettat mill-virus waqt li kien qed jitratta lill-pazjenti f’Wuhan – il-belt fejn feġġet l-epidemija għall-ewwel darba.

Li Wenliang, f’Diċembru, kien bagħat messaġġ lit-tobba sħabu biex iwissihom dwar l-indikazzjonijiet ta’ ‘coronavirus ġdid bħal tas-Sars’, iżda hu, wara, ġie avviċinat mill-pulizija li avżawh biex ‘ma jkomplix b’dawk il-kummenti qarrieqa’. Dan waqt li t-tabib kien spiċċa investigat ‘talli kien qed jiċċirkola l-qlajja’ u meta illum ħareġ fil-beraħ li kliemu kien kollu kemm hu bbażat fuq il-verità.

L-espressjonijiet tar-rabja miċ-Ċiniżi qed isiru l-aktar fuq il-websajt soċjali tal-pajjiż, Weibo, u fejn id-diskors u l-messaġġi fl-aħħar jiem ikkonċentraw fuq ‘in-nuqqas tal-espressjoni ħielsa fiċ-Ċina’.

L-entità għal kontra l-korruzzjoni fiċ-Ċina issa qalet li se tiftaħ investigazzjoni dwar ‘issues li jinvolvu lit-tabib Li Wenliang’. Sar magħruf ukoll li l-mara tat-tabib li miet bil-virus qed tistenna tarbija li mistennija titwieled f’Ġunju li ġej.

Il-Gvern Ċiniż, qabel, kien ammetta dwar ‘nuqqasijiet u żbalji’ fir-reazzjonijiet għall-kontroll tal-coronavirus li sal-bieraħ kien qatel 636 persuna, minbarra li infetta mal-31,198 fl-artijiet taċ-Ċina.

Madankollu, ir-rabja tidher li qed tbaqbaq sew fost iċ-Ċiniżi u meta diffiċli li wieħed jiftakar okkażjoni ( fis-snin riċenti) li ġġenerat daqstant emozzjonijiet u espressjonijiet dwar ‘in-nuqqas ta’ fiduċja’ fil-Gvern ta’ Beijing.

L-aktar hashtags prominenti fuq il-websajt Ċiniż kienu ‘Il-Gvern ta’ Wuhan irid joħroġ apoloġija lit-tabib Li Wenliang’ u ‘Irridu l-libertà tal-kelma’. Iż-żewġ hashtags ma damux biex ikunu ċċensurati mill-awtoritajiet Ċiniżi. Intant, spikka kumment partikulari fuq il-media soċjali li sostna li ‘(bħala Ċiniżi) ma tlifniex sempliċi whistleblower bil-mewt tat-tabib ( Li Wenliang) iżda eroj’.

Fi żviluppi oħra, 61 persuna fuq il-bastiment tal-cruises ‘Diamond Princess’, li jinsab ‘il hinn mill-kosta tal-Ġappun issa testjaw pożittiv għall-coronavirus li kien indikat għall-ewwel darba (fuq il-bastiment) ftit tal-jiem ilu. 

Il-każi ta’ infezzjonijiet fuq il-‘Princess’, li qed jinżamm fi kwarantina barra Yokohama, jidhru li żdiedu sew meta hemm madwar 3,700 persuna abbord. Il-perjodu ta’ kwarantina għall-bastiment kien speċifikat għal ġimgħatejn iżda s-sitwazzjoni kapaċi tinbidel minn ħin għall-ieħor.

Sadanittant, tielet persuna fir-Renju Unit instabet li hi infettata mill-coronavirus, bl-aħħar rapport mill-pajjiż jgħidu li din il-persuna sfat vittma tal-infezzjoni waqt żmien li hi kienet għamlet f’Singapore.