Lokali

AĠĠORNATA: Clyde Puli jirriżenja mill-kariga tiegħu

Se jibqa' jaħdem għall-PN fis-Sitt Distrett u fil-Parlament

Permezz ta’ ittra lill-Kap tal-PN Adrian Delia, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli ħabbar li ttermina l-kariga tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-partit.

Hu qal fl-ittra tiegħu, illi wara diversi riflessjonijiet u diskussjonijiet kien wera dubji kemm seta’ jkompli jaħdem fis-sitwazzjoni preżenti.

“Jien qatt ma kont marbut ma’ xi siġġu tal-poter għaliex dejjem emmint li l-politika qiegħda hemm biex isservi”, Clyde Puli.

Qiegħed hawnhekk ninnotifikak li qed nittermina l-estensjoni tiegħi fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. It-terminu tiegħi skada f’Novembru 2019 u minkejja li b’sens ta’ dover aċċettajt l-estensjoni tat-terminu sa’ Marzu, filwaqt li ħallejt il-possibilitajiet kollha miftuha wasal iż-żmien li fl-interess tal-Partit niffoka aktar fuq d-distrett elettorali li jien nirrapreżenta

Kif taf tajjeb int wara diversi riflessjonijiet u diskussjonijiet li għamilt fl-aħħar xhur miegħek u ma’ oħrajn fit-tmexxija urejtek dubji kemm nista’ nibqa’ niffunzjona fil-kariga tiegħi, bis-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit li tant inħobb.

Minkejja li tul dawn ix-xhur int bqajt tħeġġiġni u titlobni biex nibqa’ nservi, illum qiegħed nagħmel dan il-pass b’sens kbir ta’ lealtà u dover lejn il-Partit, il-partitarji u lejn it-tmexxija tiegħu imma issa ma’ nħossx li għandi intawwal aktar id-deċiżjoni tiegħi. Ir-riżenja tiegħi tagħti l-libertà kollha lilek u lill-Partit biex jagħżlu persuna idonea biex miegħek tmexxi l-partit ‘l quddiem. Jien qatt ma’ kont marbut ma’ xi siġġu ta’ poter għaliex kif dejjem għallmuni jien qiegħed fil-politika biex inservi.

Kien ta’ unur għalija li fl-aktar mumenti diffiċli tal-partit dħalt għar-responsabiltà miegħek, mall-Viċi-Kapijiet David Agius u Robert Arrigo u mall-kumplament tal-amministrazzjoni biex nagħtu saħħitna biex il-Partit jinqala mis-sitwazzjoni li kien fiha fl-2017. Dakinhar ftit politiċi ġew ‘l quddiem biex iservu fis-siegħa tal-bżonn tal-partit imma l-partitarji, fil-maġġoranza tagħhom diżillużi bl-aħħar avvenimenti politiċi, sabu fik tama ġdida u xi ħaġa ġdida li setgħet iżomm mall-valuri li jsawwruna filwaqt li terġa tqarribna lejn il-poplu li numru ta’ nies minn ħdanna kienu qatawna minnhom. Il-partitarji riedu u għażlu xi ħadd ġdid u mhux xi ħadd minn ġewwa għaliex riedu idakkru siġra li kienu għadom jemmnu li għadha essenzjalment tajba. U jien b’25 sena ta’ servizz politiku warajja fhimt il-messaġġ u b’umiltà ddeċidejt li nservi taħt xi ħadd ġdid li kien lest joffri ħajtu biex jagħti ħajja ġdida lill-Partit.

Ma’ pretendejtx għajnuna iżda l-anqas pretendejt min, ma’ kull pass li tagħmel ‘l quddiem jagħtik gambetta u wara daqqa ta’ sieq fl-għaksa biex wara jkun jista jakkużak li m’intix tiġri biżżejjed. Is-sense of entitlement ta’ xi wħud u l-filosofija ta’ jekk ma’ nilagħbx inħassar qatt ma’ kienu fil-vokabularju tiegħi.
Il-problemi tal-Partit huma diversi u hija ħasra li r-rapport tat-telfa li sar fl-2013 baqa’ fuq l-ixkaffa u fl-2017 ma’ sarx ieħor biex naraw għaliex ma’ twettaqx.


Is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja b’miljuni kbar ta’ djun akkumulati matul is-snin li preċedew lil din l-amministrazzjoni u ta’ mijiet ta’ eluf ta’ interessi fis-sena huma mażżra ma’ saqajn il-partit. Ta’ kuljum bħala Segretarju Ġenerali trid taħseb kif se tħallas dak li sar l-bieraħ minnflok kif se ttejjeb is-sitwazzjoni tal-llum u tal-futur. Dan aktar u aktar fi żmien meta l-operat politiku sar wieħed professjonali aktar milli dilettant u voluntier kif kien fis-snin l-imgħoddija. Is-soluzzjonijiet tal-bieraħ ma’ għadhomx rilevanti għall-llum.

Ma’ dan tibqa’ l-problema li r-riżultat mill-aktar demokratiku li ġejt elett u ikkonfermat bih int bħala Kap ma’ ġiex aċċettat minn numru ta’ deputati u ċirku ieħor ta’ nies. Dan minkejja kull ġlieda li l-partit immexxi minnek għamel għas-sewwa, għall-governanza tajba, s-saltna tad-dritt u fuq kollox għan-nies li qed ibagħtu l-inġustizzji ta’ gvern bla skrupli u mgħaddas fil-ħmieġ. Il-leakages selettivi u kontinwi ta’ diskussjonijiet fil-Grupp Parlamentari tellfu ħafna mis-serenità li wieħed jista jiddiskuti biha b’ mod ġenwin fl-aqwa intress tal-partit. Il-fatt li trid tiddedika ħafna ħin firefighting ukoll naqqas sew il-ħin essenjali biex tistrateġizza kif tista’ tikseb terren politiku ġdid. Dawn l-azzjonijiet flimkien ma’ tgħawwiġ tal-fatti u qlajjiet malinni ma’ ħolqu xejn jekk mhux it-tifrik ta’ partit kbir.

Tul il-karriera politika tiegħi dejjem servejt b’lealtà u mingħajr ma’ ħarist lejn l-interessi personali tiegħi. U dan għamiltu taħt it-tmexxija ta’ kull Kap mingħajr ebda distinzjoni. Dan mhux għaliex dejjem qbilt ma’ kull deċiżjoni li ttieħdet tul is-snin, inkluż ma dawk li ħadt int, imma għaliex minkejja li dejjem kelli l-ideat tiegħi jien dejjem tajt valur qawwi l-lealtà li bih irid jaħdem grupp.

Tul dawn is-sentejn dejjem priedkajt u prattikajt l-għaqda fil-partit u għadni nemmen li mingħajr għaqda dan il-partit ma’ jista jimxi ‘l quddiem qatt. Veru li l-għaqda biss ma’ trebbħekx imma mingħajrha titlef żgur. U t-tibdil fl-istatut filwaqt li neċessarju, ma’ jsolvilekx dawn l-isfidi u wisq anqas issolvihom xi bidla fl-isem tal-Partit. Dawn l-isfidi jissolvew biss b’ħafna rieda tajba.

Jien nibqa’ nemmen li dan il-Partit glorjuż għad baqalu futur u huwa l-unika alternattiva reali għall-Gvern Laburista. Is-soluzzjonijiet għall-isfidi tal-Partit Nazzjonalista qegħdin hemm u qegħdin fi ħdanu jekk jagħraf isibhom.

Finalment u filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li ħdimt magħhom f’dawn is-sentejn, fil-Partit u fil-Media, nixtieq nassigurak li l-Partit, il-partitarji u t-tmexxija jistgħu jibqgħu ċerti mill-lealtà li dejjem urejt hekk kif issa se nkun qed nirritorna lura għall-ħidma tiegħi fid-sitt distrett liema elettorat jiena tant kburi nirrapreżenta fil-Parlament.