Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Keith Schembri kien jaf b’Melvin Theuma u r-rwol tiegħu

Keith Schembri kien jaf b’kollox dwar ir-rwol li kellu Melvin Theuma fil-każ, jiġifieri li dan kien qed jaġixxi bħala l-middleman. Sadanittant Yorgen Fenech kien qal lil Theuma li huwa kellu nformazzjoni fuq it-talba għall-maħfra Presidenzjali fil-konfront ta’ wieħed mill-akkużati, Vince Muscat. Dan qal li sar jafu mingħand Keith Schembri u mingħand l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta.

Theuma baqa’ jgħid li huwa qatt ma kellem lill-investigaturi qabel ma ġie arrestat, iżda qal li għal diversi drabi kien saq fid-direzzjoni tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, iżda dejjem dar lura.

Hekk xehed fil-Qorti l-middleman Melvin Theuma meta kien qed isir il-kontro-eżami tiegħu fil-kumpilazzjoni kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat li huma akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

F’Diċembru li għadda Melvin Theuma kien ngħata l-proklama, u fl-aħħar seduta, s-sensar fl-assassinju, diġà xehed f’dawn il-proċeduri, u dan meta nstemgħu fil-Qorti rikordings tat-telefonati bejnu u bejn it-tliet irġiel, fil-Qorti huwa qed ikompli jixhed quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Fix-xhieda twila tiegħu huwa semma l-fatt li l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huwa Yorgen Fenech u dan kien tah €150,000. Minkejja li huma d-diversi persuni li jissemmew, għalih Fenech huwa l-mandant ta’ dan l-omiċidju, u li Keith Schembri kien jaf x’qed jiġri. Qal ukoll li Yorgen Fenech beda jimbutta biex isir il-qtil u tah €150,000 fi flus kontanti.

“Ftit qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Yorgen Fenech ried li d-delitt ma jiġix esegwit, iżda wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni, ried ikompli bil-pjan tiegħu biex Daphne tinqatel. Qatt ma tlabt xejn tal-involviment tiegħi fil-każ,” qal Melvin Theuma.

Hekk xehed fil-Qorti l-middleman Melvin Theuma meta kien qed isir il-kontro-eżami tiegħu fil-kumpilazzjoni kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat li huma akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fl-aħħar seduta Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, diġà xehed f’dawn il-proċeduri, u dan meta nstemgħu fil-Qorti rikordings tat-telefonati bejnu u bejn it-tliet irġiel, fil-Qorti huwa qed ikompli jixhed quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Il-kontro-eżami beda jsir mill-Avukat tal-aħwa Degiorgio, William Cushieri li staqsa diversi domandi li sejħulhom strambi, fosthom għaliex huwa (Melvin Theuma xtara kelba lil Mario Degiorgio, li jiġi ħu l-akkużati għas-somma ta’ €5,000? Qal li għamelk hekk biex jibqa’ sew magħhom.

Dwar dan Theuma qal li hekk kien qed jgħix f’dawn l-aħħar snin fejn xtara l-kelb minn butu, u li anke ta’ dan huwa ma’ ħa xejn għax dejjem kien qed jgħix fil-biża.

Qal li meta hu qal lil Mario Degiorgio biex jgħid lil ħuh joqgħod attent, u li hu beda jibża’ li jiġrilu bħal Daphne Caruana Galizia, l-messaġġ lura mingħandu kien “aħjar toqgħod attent minn dawk li qegħdin jiġru barra milli dawk li qegħdin il-ħabs”.

Theuma reġa’ qal li meta ġew arrestati t-tliet akkużati waqa’ f’dipressjoni kbira, u li kien qed jaħsibha jmurx jaqbeż minn fuq il-bejt, imma bħal donnu kkalma u beda jaħsibha mod ieħor.

Kien beda jaħseb li kieku kellu jikkommetti suwiċidju, allura jkun Yorgen l-aktar li mar tajjeb, fejn jispiċċa sieq fuq sieq u jibqa’ jpejjep xi sigarru kif iħob jagħmel.

Huwa qal li mhux biss ħareġ dik is-somma biex jixtri kelb għal Mario Degiorgio, imma nefaqlu wkoll somma oħra għal nuċċali u €5,000 oħra biex jagħmel garanzija fil-Qorti.

Tenna li meta beda jiġri dan kollu, u kkalma ftit iddeċieda li l-aħjar mod kien li jibda jirrekoprdja l-konverżazzjonijiet, l-aktar fuq Fenech, minħabba li ħassu tradut. Kompla jgħid li huwa qatt ma tkellem ma’ Vince Muscat fuq il-qtil.

Fil-bidu tas-seduta l-Avukat Cuschieri staqsa lil Theuma kif jaf lit-tliet akkużati. Theuma qal li kien kera appartament lil Darren Debono u Alfred Degiorgio xi 10 snin ilu. Huwa qal li lil George Degiorgio u Vince Muscat jafhom biss minn wiċċhom.

Meta l-avukat baqa’ jippressa lil Theuma, dan qal li lil Muscat kien jafu l-ħanut, filwaqt li lil George Degiorgio kien jafu mit-tinda tal-patata. “Korrett jekk ngħid li qatt ma kellimt lil George Degiorgio qabel il-qtil?” staqsa Cuschieri. “Iva,” qallu Theuma.

Cuschieri kompla jippersisti b’għadda ta’ domandi u staqsieh dwar il-ħbiberija ma’ Alfred Degiorgio. Theuma tkellem għal meta Alfred Degiorgio kien intbagħat tliet snin ħabs u kien tħalla jmur jaħdem fi ġnien f’Ħaż-Żabbar. Qal li hu kien imur iżuru u kienu jpejpu sigarett flimkien.

Theuma kkonferma dak li qallu l-avukat li hu kien involut fi mħatri illegali. Qal li ilu involut f’hekk minn dejjem. Madankollu, huwa ċaħad li kien isellef il-flus bl-imgħaxijiet.

Qal iżda li ma jikkonfermax li qala’ flis l-iżjed mill-imħatri illegali, iżda qal li kien ikun hemm ġimgħa meta jagħmel €3,000 u ġimgħat oħra meta jitlef anke sa €10,000.

L-Avukat Cuschieri kompla jippressa mil-mistoqsijiet diretti u staqsa dwar meta Theuma ntalab jiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech ħdejn il-Blue Elephant fejn Fenech staqsieh fuq il-mowbajl jekk kienx jaf lil George ċ-Ċiniż. Cuschieri staqsa jekk kienx qal lil Fenech li liċ-Ċiniż kien jafu minn wiċċu biss.

Theuma qal li mhux minnu li qallu hekk. Qal li peress li “t-tradiment” kien daqshekk kbir, Fenech ipprova jiġbdu lejh peress li Fenech ħadu fuq ħames vjaġġi b’xejn.

Cuschieri kompla jkun iebes u qal lix-xhud, “Daqshekk faċli biex tixtrik, ħames vjaġġi…?” Hawn kellu jintervjeni l-Ispettur Arnaud, minħabba li qamet xi ftit tal-kommossjoni fl-awla u l-Avukat Cuschieri nstema’ jgħid, “Dan mhuwiex xhud kredibbli.”

Theuma tenna li Yorgen Fenech talbu biex jikseb il-kuntatt ta’ George Degiorgio, iżda qal li qatt ma akkwista n-numru ta’ George Degiorgio biex jagħtih lil Fenech, iżda minflok ġab in-numru ta’ Alfred Degiorgio.

Dwar x’kienet ir-raġuni li ġab in-numru ta’ Alfred meta ntlab iġib in-numru ta’ George, x-xhud qal li ħassu komdu aktar jitkellem Alfred Degiorgio. Tenna li kien krielu appartament, u kien imur jarah il-ġnien f’Ħaż-Żabbar.
Melvin Theuma qal li Fenech xorta kien kuntent dwar dan u qallu li ma tagħmilx differenza la huma aħwa.

Theuma kkonferma wkoll li meta ċempel lil Darren Debono, it-Topo, huwa staqsa għal Alfred Degiorgio. Qal li huwa ċempel lil Debono b’telefonata normali. Mistoqsi biex jagħti n-numru tal-mowbajl li uża,

Is-sensar qal li ma jistax għax kien numru li sikwit kien juża għall-imħatri illegali u li kien ibiddel ta’ spiss. Ma setax jiftakar in-numru ta’ Darren Debono.

Theuma qal ukoll li sal-aħħar sekonda ma qalx lit-tliet irġiel li kien Yorgen Fenech li bagħtu. Sostna li huma saru jafu dan mill-aħbarijiet. Theuma ikkonferma li l-aktar li kien jaf kien lil Vince Muscat u dan għax kien iltaqa’ miegħu l-ħanut fejn kienu jagħmlu l-imħatri illegali. Kien jarah ukoll il-Casino.

Ritratt: MaltaToday

Fuq il-laqgħa tiegħu ma’ Keith Schembri f’Kastilja, Theuma qal li ma staqsiex għaliex ġie mistieden għal din il-laqgħa. Mistoqsi mill-Avukat Cuschieri ekk ħasibx li kienet xi ħaġa stramba li kien qed jingħata trattament speċjali bla ebda raġuni. Qal li le, kull ma ħaseb huwa biss li hemm iċ-ċans li jaqla’ lira żejda.

Reġa’ sostna li li ma jafx għaliex ngħata xogħol mingħajr ma kellu bżonn u lanqas għaliex spiċċaw biex waqqfuh wara biss erba’ xhur. Qal li meta tkellem dwar dan ma’ Yorgen Fenech, dan qallu li mhux aħjar idaħħal paga żejda.

Dwar kif għaddew il-flus, Theuma qal li kien ta lil Alfred Degiorgio €1,500.
u li kien ġabar €2,000 mingħand Fenech u staqsa lil Degiorgio jekk kienx tajjeb għalih jekk jagħtih €1,500.

Meta l-avukat baqa’ jippressa lil Theuma, dan ammetta li kien gideb lil Degiorgio li qala’ €2,000 mingħand Fenech, imma għamel hekk biex ma jaqax għaċ-ċajt. Mistoqsi għala ried iżomm €500, Theuma qal li biex iġemma’ ftit flus.

Dwar it-telefonata li rċieva mingħand Yorgen Fenech wara l-Elezzjoni Ġenerali. Theuma qal li ħassu minn leħnu, li Fenech kien fis-sakra. Sostna li meta reġa’ ltaqa’ ma’ Fenech biex jagħtih it-€300,000 li rebaħ mill-imħatra li għamel fuq min se jirbaħ l-elezzjoni, Theuma qal li Fenech lanqas talbu biex iżomm id-depożitu ta’ €30,000 jew il-€150,000 għall-assassinju.

Theuma qal li sal-aħħar minuta huwa baqa’ jagħti l-flus lill-aħwa Degiorgio,
Theuma rrefera għal żmien meta kien qed jibża’ li ħajtu qiegħda f’periklu, u bagħat messaġġ lil George Degiorgio permezz ta’ Mario Degiorgio biex joqgħod attent bil-flus, peress li beda jibża’ li se joqtluh.

Rigward ir-rejd Theuma ġie mistoqsi jekk semax mill-aħbarijiet li l-akkużati kienu jafu bir-rejd minn qabel u hu wieġeb li ma jafx iżda kkonferma li hu kien avżahom li dan kellu jsir fil-5 tax-xahar.

Dwar il-pagamenti lill-akkużati, Theuma qal li kien jaf lil Lolly li kien jaf wieħed minn ulied Muscat. Aktar tard sar jaf lil Mario Degiorgio u beda jibgħat il-flus miegħu.

Meta mistoqsi dwar il-vjaġġ f’Londra x-xhud qal li meta kien isiefer kien jikkalkula kemm ikollhom bżonn flus l-akkużati u jħallihom mal-Lolly.
Sadanittant meta ġie lura Theuma qal li kien qiegħed il-ħanut u rċieva telefonata mingħand ċertu Gandhi mill-ħabs u fl-istess żmien sar jaf lil Mario.

Mart Vince Muscat bdiet tistaqsi minn fejn ġejjin il-flus u qal li ma jafx jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li qalilha bl-involviment tiegħu. Dwar għaliex qatta’ l-lejl jixrob, tenna li hu kien kellem lil Fenech u qallu li qatt ma kien messu giegħlu jagħmel dak li għamel. Ammetta li kien ġibdu lejh u li kien tard wisq meta nduna bl-iżball li kien għamel.

Theuma qal ukoll li Fenech dejjem tah il-flus u li sat-Tnejn ta’ qabel l-arrest tiegħu kien tah €20,000 li minnhom ta €12,000 lill-aħwa Degiorgio. L-avukat Cuschieri staqsa lil Melvin Theuma fejn joqgħod, u dan irrifjuta li jwieġeb.

Theuma mbagħad ġie mistoqsi fuq il-€1 miljun imwiegħda lil kull wieħed mill-akkużati.Theuma qal li fl-2018, huwa qalilhom biex ma jistaqsuhx mistoqsijiet fuq min bagħtu u fuq dak li qed jitlob minnhom.

Theuma qal li hu kien kompla jippressa lil Fenech fuq il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati, u talbu jkellem lil Keith Schembri. Hedded lil Fenech li jieħu lil Mario Degiorgio barra d-dar ta’ Keith Schembri. Theuma spjega li din għamilha b’inizjattiva personali tiegħu.

L-Avukat Cuschieri staqsa dwar ir-reazzjoni ta’ Yorgen Fenech għat-theddida ta’ Theuma li jieħu lil Mario Degiorgio d-dar ta’ Keith Schembri.Theuma qal li Fenech ma kienx ħa pjaċir u qallu li mhux se jġorr responsabbiltà għall-wegħdiet tal-ħelsien mill-arrest u għall-flus.

Fenech kien qal lil Theuma li Keith bagħat lil Kenneth biex jgħin lil Fenech peress li Keith kien lest jagħmel kollox għalih. Rigward il-kuntatt tiegħu ma’ Schembri, Theuma wieġeb li ma kellux kuntatt dirett. Ikkonferma li beda jagħti ammont ta’ flus lill-aħwa Degiorgio wara li ltaqa’ ma’ Mario fl-2018.

Rigward il-pressa kontinwa minn Mario, Theuma tenna li sa bagħtu għand l-Imħallef Mizzi u qal lil Fenech għax hu “kien jaf lill-kbarat.” Theuma ċaħad dak li qallu l-Avukat Cuschieri fuq għotja ta’ €2 miljuni minn Fenech.

Madanakollu ammetta li Fenech tah arloġġ tar-Rolex għal ibnu u prova jdaħħlu f’xi negozju tad-deheb, iżda hu rrifjutah. Ilmenta li kellu joqgħod ġej u sejjer għand Yorgen, jistaqsih għall-flus u jaġixxi ta’ messaġġier bejn Mario u Yorgen.

Dwar Kenneth Camilleri, Theuma qal li Camilleri kien ikkonfrontah b’numru li kien tiegħu stess u spjega li dakinhar lil Kenneth qallu li Yorgen kien il-moħħ wara kollox. Qal ukoll li dan kien fil-perjodu meta Vince Muscat beda jikxef.

L-Avukat Cuschieri hawn temm il-kontro-eżami tiegħu li tkompla mill-Avukat ta’ Muscat, Mark Sant. Dwar meta Fenech bagħtu għand ta’ Maksar u staqsih jekk jafx fejn dan kien jafhom, Theuma qal li ma jafx.

Rigward jekk fittix parir qabel beda jirrekordja lil Fenech Theuma qal li l-parir kien tagħhulu hu stess minn esperjenza li kellhom qabel. Għal darba oħra Theuma jagħmilha ċara li hu qatt ma staqsa lil Fenech minn fejn qiegħed iġib l-informazzjoni u li kienu hu stess li aktar tard qallu li kienu Keith Schembri u Valletta li kienu qegħdin jagħmlu dan.

Rigward proprjetà, Theuma qal li xtara żewġ appartamenti mingħand Marju tad-Deheb, li kien xtrahom mingħand Ninu ta’ Tumas. Speċifika, iżda, li Ninu ta’ Tumas ma kellux x’jaqsam ma’ Yorgen Fenech u ċaħad li rċieva xi propjetà mingħand Fenech li qiegħda mniżżla fuq qraba jew xi sieħba tiegħu.

Huwa reġa’ kkonferma li ħajtu spiċċat dakinhar li saru l-arresti u saħansitra mar jagħmel il-wirt għax beda jinkwieta li hu kien imissu. Mistoqsi dwar meta beda jiżvela, Theuma qal li wara li arrestawh iżda kien hemm ħafna drabi li kien se jmur għand il-Pulizija biex jikxef imma mbagħad jispiċċa jbiddel fehemtu.

L-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja tal-vitmta staqsa lix-xhud fuq l-arloġġ tar-Rolex li semma li Fenech kien ta lil ibnu, u d-deheb li tah biex ibigħ. Dwar l-arloġġ, qal li kien edizzjoni limitata tal-futbol, li biegħu bi €13,500.

Azzopardi staqsa wkoll dwar il-valur tad-deheb li tah Fenech, jekk kienx stmat li jiswa mal-€1 miljun. Theuma wieġeb fin-negattiv, u qal li forsi jammonta għal €100,00.

Dr Azzopardi staqsieh jekk irrekordjax lil xi ħadd ieħor b’rabta mal-każ. Theuma qal li jista’ jkun għamel hekk. Qal li r-rikordings kollha għaddiehom lill-Maġistrat, u li hu qall ma semagħhom.

L-Avukat Azzopardi staqsa wkoll jekk ir-rekordings tahomx lil xi ħadd ieħor, “Forsi lill-Goia?” “Le,” qal Theuma. Mistoqsija oħra lil Theuma kienet jekk irċeviex telefonata biex jgħin lil Degiorgio jikseb il-liċenzja għall-kannabis mediċinali.

“Mario qalli hekk. Bagħatni f’ħanut San Ġwann. Ma kellix idea lil min ridt inkellem. Qaluli mmur insib lil Mario li jaħdem ma’ Cardona (Chris Cardona) imma jien ma kontx nafu.”

L-avukat hawn staqsa lil Theuma fuq l-allegata theddida tal-aċtu lill-familja ta’ Vince Muscat li ssemmiet fi proċeduri separati fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech.

Arthur Azzopardi, magħruf bħala “Turu,” kien ħeġġeġ lil Muscat biex jgħid lill-Pulizija. Muscat kien qal li xorta jwaddbu l-aċtu fuq martu. Dan qalulu Fenech.

Hawn l-Avukat Cuschieri staqsa lil Theuma kif jaf lil Azzopardi. Wieġeb li hu l-avukat tiegħu. Mistoqsi meta kellmu l-aħħar, Theuma qal li qallu biss “hello” fil-qorti din il-ġimgħa. Il-każ ġie aġġornat. Il-każ ikompli nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu.