Futbol Sport

Draw bejn Swieqi u Żebbuġ, Lija jirbħu logħba mill-isbaħ

(Ritratt: Martin Agius)

SWIEQI U ………………. 1

ŻEBBUĠ R …………….. 1

Swieqi: C. Abdilla, M. Attard, K. Muscat, S. Gatt Baldacchino, A. Schembri Wismayer, F. Nunes Fernandes, M. Ivanovic, I. Salis (A. Tejumola 74’), M. Farrugia, L. Grech, J. Azzopardi

Żebbuġ: M. Grech, D. Fava, R. Vella, M. del Negro, R. Zammit, S. Buhagiar, M. Fagbeja (S. Nanapere 63’), C. Brincat, W. Borg, N. Ojuola, L. Chiedozie

Referee: Aleksandar Jovanovic

Swieqi United u Żebbuġ Rangers kisbu punt kull wieħed f’logħba li kienet deċiża b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima. Il-punt jiswa liż-żewġ naħat li jinsabu ftit ‘l fuq miż-żona perikoluża tar-relegazzjoni. Il-logħba kienet ferm bilanċjata u qatt ma laħqet livelli għoljin biż-żewġ naħat jidhru kuntenti bil-punt miksub.

Żebbuġ ħolqu l-ewwel azzjoni wara ħames minuti meta xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Mattia del Negro ġie salvat parzjalment minn Craig Abdilla u l-ballun ġie mbiegħed mid-difiza. Fit-13-il minuta Swieqi fetħu l-iskor meta MELVIN FARRUGIA għeleb lil Matthew Grech b’xutt mill-viċin wara li l-istess gowlkiper kien salva fuq tentattiv minn qagħda tajba ta’ plejer ieħor ta’ Swieqi. Żebbuġ ippruvaw jagħmlu reazzjoni u ftit wara resqu viċin li jagħmlu l-iskor indaqs minn daqqa ta’ ras ta’ Muda Fagbeja li iżda ġiet salvata bi bravura minn Abdilla.

Żebbuġ komplew jinsistu u fid-39 minuta kienu sfortunati li ma għamlux l-iskor indaqs meta xutt ta’ Wayne Borg wara pass ta’ Samuel Buhagiar ħabat mal-mimduda u l-ballun baqa’ sejjer barra. L-isforzi ta’ Żebbuġ taw il-frott fit-42 minuta meta xutt ta’ LAWRENCE CHIEDOZIE ġie mxellef minn difensur ta’ Swieqi u l-ballun spiċċa fix-xibka. Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, Swieqi spiċċaw jilagħbu bi plejer anqas wara li Felipe Nunes Fernandes ġie muri l-karta l-ħamra għal fawl f’nofs il-grawnd.

Wara l-mistrieħ kienu Żebbuġ li ħolqu l-ewwel azzjoni meta fis-56 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Samuel Buhagiar ġie mdawwar għal korner minn Abdilla. Żebbuġ ippruvaw japprofittaw mill-vantaġġ numeriku li kellhom fil-grawnd imma minkejja li kellhom l-inizjattiva f’idejhom ftit li xejn ħolqu periklu għal-lasta ta’ Swieqi. Fil-fatt, sat-tmiem il-gowlkipers ma kinux fl-azzjoni biex it-tisfira finali fissret li ż-żewġ timijiet kisbu punt kull wieħed.

Lija jirritornaw għar-rebħ wara logħba spettakolari

LIJA A. ………………….. 4

MQABBA ………………. 2

Lija: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, E. Beu, K. Seakanyeng, C. Giordimaina, C. Cauchi, F. Temile, A. White, R. Fenech (A. Galea 84’)

Mqabba: F. Tabone, D. Micallef, A. Ferreira, K. Magro, J. Micallef, E. Sala (N. Dia 79’), Y. Omuro (P. Chimezie 64’), A. Spiteri, N.A. Micallef, M. Caruana, G. Micallef (M. Brincat 79’)

Referee: Massimo Axisa

Lija rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mqabba biex telgħu momentarjament fl-ewwel post tal-klassifika bl-istess punti ma’ Żejtun iżda ovvjament b’logħba iktar. Il-logħba kient waħda mill-isbaħ fejn Mqabba kienu aħjar fl-ewwel nofs siegħa iżda Lija kellhom ritorn qawwi u dawru r-riżultat u rebħu meritatament. Mqabba kellhom bidu mill-aqwa u marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti meta YUKI OMURO skorja direttament minn free-kick bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel qabeż il-linja.

Ir-risposta ta’ Lija waslet fis-17-il minuta bi free-kick ta’ Beu salvat b’diffikultà mill-gowlkiper ta’ Mqabba Tabone. Ħames minuti wara Mqabba viċin li jirduppjaw b’konklużjoni mill-viċin ta’ Omuro li kienet salvata minn Bonnici. Minuta wara Mqabba sfortunati li ma skorjawx it-tieni gowl meta xutt ta’ Dylan Micallef ħabat ma’ sieq il-lasta wara li kien imxellef mill-gowlkiper Bonnici. Fis-27 minuta kien Beu li laqat sieq il-lasta minn pożizzjoni ferm angolata. L-isforzi ta’ Lija ħallew il-frott fl-44 minuta meta minn kross ta’ Seakanyeng mix-xellug, kien RUSSELL FENECH li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras stupenda xeħet fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Kif bdiet it-tieni taqsima Mqabba reġgħu marru fil-vantaġġ meta minn free-kick ta’ Omuro l-ballun baqa’ fil-kaxxa ta’ Lija u DYLAN MICALLEF spara fix-xibka b’xutt fil-baxx. Iżda tliet minuti wara Lija kisbu draw immedjat b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ SEAKANYANG wara free-kick ta’ Beu.

Lija komplew jinsistu u fis-56 minuta marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta Seakanyeng bidel il-ballun ma’ RUSSELL FENECH qabel spara fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Lija ma waqfux hawn u mas-siegħa logħob għamluhom erbgħa b’xutt fil-baxx ta’ CLIFFORD GAUCI minn tarf il-kaxxa li għeleb għal kollox lil Tabone.