Edukazzjoni Lokali

“Flimkien għal Internet aħjar”

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċju tal-Kummissarju għat-tfal tgħid li l-internet joffri bosta opportunitajiet għat-tfal u għandu jkollna rwol attiv biex inħeġġuhom jużawh b’mod responsabbli, rispettuż, kritiku u kreattiv. Fil-11 ta’ Frar jiġi mfakkar l-Jum Dinji għal Internet Iktar Sikur – jum iċċelebrat fi ‘l fuq minn 150 pajjiż madwar id-dinja.

It-tema taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena hi ‘Flimkien għal Internet Aħjar’.

Din hija sejħa lill-istakeholders kollha biex jingħaqdu u jaħdmu flimkien sabiex jinħoloq internet aħjar għal kulhadd speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal huwa impenjat biex joħloq internet aħjar għat-tfal. L-Uffiċċju jagħmel parti mill-kampanja BeSmartOnline! flimkien ma’ Tech.mt, Aġenzija Appoġġ, id-Direttorat għal Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u t-taqsima tas-Cyber Crime fi ħdan il-Pulizija ta’ Malta. Din l-inizjattiva taħdem biex tħares lit-tfal onlajn u tiżgura li jkollhom esperjenzi pożittivi onlajn. Sabiex jitfakkar dan il-jum importanti, qed jittieħdu bosta inizjattivi.

Numru ta’ skejjel impenjaw ruħhom biex jiċċelebraw dan il-jum billi jtellgħu diversi attivitajiet. Din is-sena BeSmartOnline! nieda toolkit b’ numru ta’ lezzjonijiet u riżorsi biex jintużaw fl-iskejjel u għaqdiet oħrajn.

Dawn ir-riżorsi jistgħu jitniżżlu mil-link hawn. Hemm ukoll vidjow li jfakkar dan il-jum.

It-tim ta’ BeSmartOnline! jixtieq jistieden lit-tfal, żgħażagħ u l-familji biex iżuru l-istand li se jittella’ fil-15 ta’ Frar qrib Bieb-il Belt. It-tim se jkun qed itella’ diversi attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal u se jkn hemm tagħrif dwar l-użu sikur tal-internet. Genituri u dawk li jiehdu ħsieb it-tfal huma mħeġġa jżuru l-istand.