Internazzjonali

Ġermanja: 93,000 ewro… għal ġurnata waħda bħala Prim Ministru ta’ Stat

Thomas Kemmerich, il-politiku liberali tal-Partit FDP li nhar il-Ħamis irriżenja wara ġurnata waħda biss bħala Prim Ministru fl-Istat ta’ Thuringia, hu intitolat, legalment, għal talanqas 93,000 f’salarju u ‘allowances’ għal ġurnata waħda biss fil-kariga.

Kemmerich, li kien appoġġjat mill-Partit estremista tal-lemin AfD, irriżenja wara mewġa ta’ għadab mill-maġġoranza tal-politiċi Ġermaniżi u l-kundanna speċifika tal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, dwar iċ-ċirkustanzi ‘allarmanti’. Dan fost inkwiet nazzjonali dwar sitwazzjoni fejn Kemmerich irnexxielu jilħaq Prim Ministru ta’ Thuringia ‘bl-AfD bħala l-ixprun’ wara r-riżultat sorpriża f’dan l-Istat.

Intant, fl-aħħar żviluppi, Kemmerich qal li l-avukati tiegħu avżawh biex ‘għalissa’ jibqa’ fil-kariga biex jaċċerta amministrazzjoni effiċjenti f’Thuringia. Ingħad ukoll li hu ‘ċaħad’ il-pakkett tas-salarju bomba li qed jissemma u li se jibqa’ bis-salarju ta’ deputat ‘ordinarju’.

Din kienet l-ewwel darba (fil-Ġermanja) minn wara t-Tieni Gwerra li politiku rnexxielu jieħu kariga ta’ tmexxija ewlenija bis-saħħa tal-estremisti tal-lemin. Il-partiti tradizzjonali Ġermaniżi uffiċjalment jopponu kwalunkwe ftehim u patti politiċi mal-AfD li llum sar l-akbar partit tal-Oppożizzjoni fil-Ġermanja.

Filwaqt li kien hemm is-sejħiet għal elezzjonijiet reġjonali ġodda f’Thuringia, il-Partit CDU tal-Kanċillier Merkel baqa’ jirreżisti għal din l-għażla. Intant, is-CDU u s-Socjali Demokratiċi (SPD) imsieħba miegħu fil-koalizzjoni nazzjonali mistennija jingħaqdu f’taħditiet ta’ kriżi, fi tmiem il-ġimgħa.