Lokali

Ikompli l-inkonvenjent għall-Imqabbin

Residenti u sidien ta’ ħwienet fl-Imqabba qed ikomplu jsofru ta’ kuljum inkonvenjent ta’ xogħljiiet li qed itulu sew fiż-żmien aktar milli suppost.

Ix-xogħolijiet fil-pjazza ta’ dan ir-raħal ilhom li bdew minn Settembru li għadda u ħames xhur wara, għadhom lura ferm milli jitlestew.

Issa jidher li dan l-iskomdu għal dawk kollha li jgħixu jew jaħdmu fl-inħawi se jkompli jiżdied, hekk kif il-pjazza se tkun qed tingħalaq għall-karozzi u l-aċċess għan-nies se jkun limitat ferm.

Dan se jagħmilha aktar diffiċli għar-residenti, kemm biex imorru minn naħa għall-oħra tar-raħal, kif ukoll biex ħwienet fiż-żona jkomplu bin-negozju tagħhom.

Net News tkellem ma’ furnar li għandu l-ħanut tiegħu fil-qrib, li qalilna li l-pjazza se tingħalaq għal tal-anqas erba’ xhur. Dan ifisser li għal erba’ xhur, in-negozju tiegħu se jbati hekk kif l-aċċess għall-forn tiegħu se jkun limitat ferm u aċċess għall-karozzi se jkun magħluq għal kollox.

Ix-xogħol li hemm bżonn isir, u li jinvolvi t-tneħħija ta’ wajers minn mal-faċċati tal-binjiet, jidher li qed jieħu ż-żmine biex isir u qed ipoġġi lil bosta Mqabbin u nies bin-negozju fi skomdu ta’ kuljum.