Lokali

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Chantelle Chetcuti tibda nhar it-Tlieta

Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Justin Borg mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Chantelle Chetcuti nhar il-Ħadd li għadda f’Ħaż-Żabbar se tibda nhar it-Tlieta li ġejjin. Il-provi se jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, li lilha messet ix-xorti biex tippresiedi dan il-każ. Il-ġbir tal-provi se jibdew jinstemgħu fin-12.30pm.

Justin Borg ta’ 33 sena, residenti Ħal-Safi, iżda li bħalissa jinsab il-ħabs wara li tressaq il-Qorti nhar it-Tlieta li għaddew quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena, li hija wkoll omm iż-żewġ ulied bniet, li jiġu wkoll it-tfal tal-akkużat, li għandhom seba’ u tlettax-il sena.

Borg qed jiġi mixli bil-qtil li seħħ nhar il-Ħadd li għadda f’Żabbar quddiem il-każin tal-futbol tal-istess lokalita permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’rasha, b’waħda minnhom tinfed ukoll ngħasha, u dan allegatament waqt argument li seħħ bejniethom.

Huwa qed jiġi mixli b’ħames akkużi, fejn minbarra l-omiċidju li seħħ fi Triq is-Santwarju qed jiġi mixli wkoll li waqt il-kummissjoni tar-reat kien fil-pusses ta’ arma irregolari, f’dan il-każ sikkina, li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr liċenzja, li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u li kiser il-paċi pubblika

L-Ispetturi Kurt Zahra mill-Iskwadra tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u Joanna Piscopo tad-Disrett mistennija jkunu l-ewwel fost dawk li jagħtu x-xhieda tagħhom dwar il-każ, li mistenni jkun dominat minn diversi xhieda tal-Prosekuzzjoni, fosthom diversi Pulizija.

L-Avukati Difensuri ta’ Borg, Franco Debono u Marion Camilleri m’għamlux talba għal libertà proviżorja minħabba li dan l-istadju għadu wieħed bikri.
Kull ma għamlu l-Avukati tiegħu huwa biex jinħatar espert psikjatriku biex jeżamina lill-akkużat, liema talba ma kellhiex oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni, bil-Qorti taħtar lill-Professur Anton Grech biex iwettaq dan l-eżami.

Chetcuti mietet, wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha, fejn għamlet ukoll xi ħin mitlufa minn sensiha fuq bankina. Kien għall-ħabta tat-8.15pm tal-Ħadd filgħaxija meta xi persuni daħlu fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar jirrapportaw li fuq il-bankina, fi Triq il-Kbira, hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Il-Pulizija marru immedjatament fil-post u ġie msejjaħ tim mediku tal-ambulanzi sabiex ħadu lill-mara l-isptar għal aktar kura. Ir-raġel ftit tal-ħin wara l-inċident ta ruħu b’idejh lill-Pulizija, meta mar fil-Kwartieri Ġenerali il-Floriana, mimli dmija u anke kellu xi feriti f’idu.