Lokali

“Il-mina qed tiġi preżentata bħala l-unika soluzzjoni” – Kummissjoni Djoċesana Ambjent

Il-mina bejn Malta u Għawdex qed tiġi preżentata bħala l-unika soluzzjoni biex titjieb l-aċċessibilita’ bejn Malta u Għawdex. Rapport tal-Kummissjoni Djoċesana Ambjent jikkonkludi li għad m’hemm ebda studju pubbliku li jgħarbel u jixtarr l-alternattivi kollha.

Il-Kummissjoni tfakkar kif l-introduzzjoni ta’ vapur ieħor f’dawn l-aħħar xhur għen biex jitjieb is-servizz ta’ mobilita’ u trasport. Iżda għal xi raġuni ma saret l-ebda sejħa internazzjonali biex jinġieb vapur b’mod permanenti. Dan qed isaħħaħ l-impressjoni tal-pubbliku li l-mina tkun l-unika soluzzjoni għal aċċessibilita’ bejn il-Gżejjer.

L-istqarrija tkompli li l-Gvern jidher li qed jagħżel l-alternattiva tal-mina mingħajr ma jippubblika evalwazzjonijiet li saru dwar ħlasijiet li jistgħu jintalbu għal servizzi alternattivi. Il-Kummissjoni ssostni li ċ-ċittadin għandu jkun jaf sew minn qabel kemm se jintalab iħallas għall-użu tal-mina.

Tkompli li l-awtoritajiet għandhom jistudjaw bir-reqqa l-effetti ambjentali, soċjali u kulturali ta’ kull alternattiva, kemm fuq il-gżejjer b’mod ġenerali iżda fuq kollox għall-komunitajiet li għal mijiet ta’ snin għexu fl-inħawi fejn hu propost li se tiżbokka l-mina fl-inħawi tal-Għerien, Limbordin u l-Manikata.

Il-Kummissjoni Djoċesana Ambjent issostni li fil-proċess kollu għandu jkun hemm l-ogħla standards ta’ trasparenza, valur għall-flus, kompetizzjoni ta’ vera bejn kull min hu nteressat li jidħol għall-proġett. Fuq kollox, għandu jkun sostenibbli minn kull lat u tħeġġeġ lill-uffiċjali fl-Awtoritajiet varji biex jiżguraw li d-Direttivi dwar l-Impatt Ambjentali u l-IStrategic Environment Assessment ikunu implimentati b’mod sħiħ.

Il-Kummissjoni ttenni li qabel tagħti l-kunsens tagħha, l-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandha tkun konvinta li l-mina hi l-aħjar għażla għall-aċċessibilita’ bejn Malta u Għawdex.

Il-Kummissjoni Djoċesana Ambjent ittenni li kull deċiżjoni li tittieħed tkun tassew tmur lil hinn mill-interessi partikulari li jista’ jkun hemm fir-raġunijiet marbuta magħhom.