Lokali

“Irrid li l-Partit Nazzjonalista jkun hemm biex iservi” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn ta’ bidla fil-mentalità. Jeħtieġ li niftakru li aħna qegħdin hemm biex inservu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt il-programm Xarabank il-Ġimgħa filgħaxija.

Adrian Delia tkellem dwar ir-riformi li hu kien elett biex jagħmel u li sa issa baqgħu ma sarux. Hu qal li l-obbligu tiegħu hu li jreġġa lura l-Partit Nazzjonalista għand in-nies.

Huwa wiegħed li r-riforma meħtieġa se ssir sa Marzu ta’ din is-sena.

Mark Lawrence Zammit staqsa lil Adrian Delia dwar ir-riżenja tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli – riżenja li waslet ftit biss qabel il-programm.  Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu għad irid jiżhen u jiddeċiedi liema riżenji se jaċċetta u liema le.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fil-Partit, Adrian Delia qal li d-deċizjonijiet ta’ liema riżenji jaċċetta u liema le jagħmilha wara li jkun wieżen kollox u jagħmilha fl-interess tal-partit.

Għall-akkużi li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jegħreq, huwa wieġeb li l-kaptan ikun l-aħħar wieħed li jabbanduna l-vapur u fakkar li d-distakk bejn iż-żewġ partiti ilu hemm għal ħafna snin, u ma ġietx wara survey. Li hu żgur, qal Adrian Delia, hu li ma nistgħux ma nagħmlu xejn.

Hu spjega li l-Partit għandu l-istatut tiegħu u li ma jistax ikun li dan jitwarrab minħabba riżultat ta’ survey. Kap ta’ Partit, qal Adrian Delia, ma jinbidilx minħabba survey.

Adrian Delia ċaħad ukoll li l-President kien għajjattlu f’xi ħin fl-aħħar jiem, iżda saħaq li jemmen li l-Kap tal-Partit għandu jkun ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni, u li jinkwieta jekk xi ħadd jaħseb li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun differenti mill-Kap tal-Partit.

Adrian Delia fakkar ukoll lil Eddie Fenech Adami f’għeluq sninu, u qal li Eddie kien irnexxielu jpoġġi lill-Partit Nazzjonalista fejn kien jixraqlu li jkun,u li dan issa sar l-obbligu tiegħu.

Dan, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irid isir bi sforz kollettiv u mhux b’dittatorjat ta’ persuna waħda, għaliex m’hemm l-ebda persuna waħda biss li għandha l-għerf kollu li jinħtieġ. Hu spjega li meta ġie elett sab tim li kien diġà hemm u li għamel minn kollox biex jaħdem ma’ kull wieħed u waħda mid-deputati.

Hu saħaq li huma t-tesserati li huma s-sidien vera tal-Partit.

Mistoqsi dwar il-fatt li xi Membri mill-Grupp Parlamentari urew differenzi miegħu, Adrian Delia qal li fit-tiġrija riċenti għat-tmexxija tal-Partit Laburisti, id-deputati Laburisti riedu lil Chris Fearne, iżda l-għażla tat-tesserati  kienet differenti.

Il-preżentatur staqsa lil Adrian Delia jekk qattx iddispjaċih li daħal għal dan kollu meta jara dak kollu li tilef tul il-ħajja politika tiegħu, jqis il-prezz għoli li ħallas, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma jiddispjaċihx li ta sehmu u li jrid jara li l-politika terġa ssir dik li tagħti u mhux mezz biex tieħu l-konsulenzi u l-flejjes.