Lokali Qorti

Jammetti li ħanxar għonq tfajla; il-Qorti tuża għall-ewwel darba l-Att Dwar il-Vittmi tal-Kriminalità

Libjan ta’ 34 sena ammetta li aggredixxa tfajla billi pprova jħanxrilha għonqa b’sikkina u seraq ħabiba tagħha f’San Ġiljan bil-Qorti tissospendi l-kawża qabel ma tiddeċiedi fuq is-sentenza biex għall-ewwel darba tadotta f’Malta, l-Att Dwar il-Vittmi tal-Kriminalità.

L-Imħallef Giovanni Griscti ta din id-deċiżjoni fil-konfront ta’ Rawad Briga Abdelsalam, li jgħix Ħal Tarxien, fit-28 ta’ Awwissu tal-2016 wara li aggredixxa b’sikkina lil Mariel Agius, li dak iż-żmien kellha 25 sena minn Marsaxlokk u li serqilha l-handbag.

Huwa kien ukoll li seraq il-handbag tal-ħabiba tagħha Justina Seinkiewicz, Pollakka ta’ 33 sena. waqt li kienet għaddejja magħha fi Sqaq Lourdes San Ġiljan.

Il-Libjan kien ġie mixli fost oħrajn bl’attentat ta’ qtil tal-Maltija fejn ix-xena dwar dan ir-reat kienet waħda li tkexkex. Ir-ritratti tal-art u l-ħajt mimlija demm kienu xxukkjaw lil bosta u kienu reġgħu qajjmu mistoqsijiet dwar is-sigurta fl-inħawi.

Għal xi ħin it-tfajla kienet ukoll fil-periklu tal-mewt. Numru ta’ persuni li kienu għaddejjin mill-inħawi kienu taw l-ewwel għajnuna lit-tfajla Huwa ammetta wkoll li kiser sentenza li fiha nstab ħati li ipprova jisraq handbag minn fuq persuna oħra.

Meta kien tressaq il-Qorti huwa kien qal lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kif huwa kien ħa numru ta’ pilloli li tahomlu ħabib u xorob żewġ fliexken Vodka magħhom. Il-każ kien investigat mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Trevor Micallef. L-Att Dwar il-Vittmi tal-Kriminalità jagħti l-fakultà li l-vittma tgħid tagħha fuq il-każ wara li hija tiġi nfurmata dwar il-proċeduri tal-każ.

Abdelsalam ammetta wara li l-Avukat Difensur tiegħu u l-Avukat ftehmu fuq il-piena li għandha tingħata. Minflok qabdet u tagħat is-sentenza l-Qorti qalet li l-ewwel trid tinforma lill-vittmi. L-Avukat Marc Sant deher bħala l-Avukat tal-Għajnuna Legali għal Abdelsalam filwaqt li l-Avukat Nadia Attard deheret f’isem l-Avukat Ġenerali.