Internazzjonali

L-Amerikani jiżvelaw il-qtil ta’ Kap tal-al-Qaeda fil-Jemen

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-Istati Uniti ‘qatlet lill-Kap tal-al-Qaeda fil-Penisola Arbija (AQAP)’, Qasim al-Raymi, li kien ilu mill-2015 imexxi dan il-moviment qattiel magħmul minn ġiħadisti fil-Jemen.

Al-Raymi hu konness ma’ sensiela ta’ attakki li saru fuq l-interessi tal-Punent minn wara l-2000 u l-ewwel kumment dwar l-eliminazzjoni tiegħu kien li ‘it-terrorista nqatel waqt azzjoni speċifika mill-Amerikani fl-artijiet tal-Yemen.’

Al-Raymi kien assuma r-riedni lill-moviment AQAP wara li l-kap ta’ qablu spiċċa maqtul f’attakk bi drone tal-Istati Uniti.

L-AQAP kien iffurmat fl-2009 minn żewġ fergħat reġjonali tal-al-Qaeda fil-Jemen u l-Arabja Sawdija. L-iskop tal-moviment terroristiku kien li jeqred lill-Gvernijiet appoġġjati mill-Istati Uniti u biex jelimina kull ħjiel ta’ influwenza tal-Punent fir-reġjun.

Intant, fl-aħħar sigħat, stqarrija mill-White House ta’ Washington ikkonfermat il-mewt ta’ Raymi iżda ma pprovditx dettalji dwar il-mod kif hu nqatel. Dan wara li l-għajdut dwar il-mewt ta’ Raymi kienu ilhom jiċċirkulaw mill-aħħar jiem ta’ Jannar.

L-istqarrija mill-White House kompliet li ‘il-mewta ta’ Al-Raymi tellfet aktar mis-saħħa tal-AQAP u tal-moviment globali tal-al-Qaeda’. Ingħad ukoll li ‘dawn il-kolpi kontra t-terroriżmu għandhom jitqiesu bħala pass eqreb l-eliminazzjoni tat-theddid minn gruppi bħal dawn għas-sigurtà nazzjonali.’

Al-Raymi kien għamel żmien fl-Afganistan qabel ivvjaġġa lejn il-Jemen fl-2004 u fejn għamel snin il-ħabs b’konnessjoni ma’ kumplott għal attakki fuq ħames ambaxxati barranin f’Sana’a.

Jaħsbu wkoll li dan it-terrorista ewlieni ‘issorvelja’ it-twaqqif tal-grupp al-Qaeda fil-Jemen, bil-moviment AQAP iwettaq il-parti kbira tal-attakki tiegħu f’dan il-pajjiż fejn kien jieħu vantaġġ min-nuqqas ta’ stabbilità politika li ilu għal snin.

Is-sinjali kollha juru li l-AQAP kien wara numru kbir ta’ azzjonijiet vjolenti fil-Jemen u l-Arabja Sawdija li fihom tilfu ħajjithom il-mijiet tan-nies. Isem dan il-grupp issemma wkoll b’konnessjoni ma’ sensiela ta’ kumplotti bi splussivi li kienu diretti kontra l-Istati Uniti u li kienu evitati bi ftit.