Ħalbiet kbar tax-xita fiz-zoni tal-kosta lejn il-lvant tal-Awstralja ‘rażżnu u tfew’ madwar terz tan-nirien li kienu qed jaqbdu fir-reġjun. Dan fost stennija li l-kundizzjonijiet ta’ maltemp attwali inaqqsu aktar mill-effetti u l-firxa tan-nirien li ħallew numru ta’ mwiet minbarra ħsarat storiċi tul medda ta’ art.
Ix-xita, fi spazju ta’ 24 siegħa, niżlet fuq parti kbira mill-Istat ta’ New South Wales u fejn ‘intfew’ tal-anqas 20 min-nirien li kienu qed jaqbdu f’dik iz-zona. Filwaqt li esprimew sodisfazzjon għal dawn il-kundizzjonijiet, l-awtoritajiet, intant, wissew dwar inċidenzi ta’ għargħar għall-għarrieda f’ Sydney u fi bliet prinċipali oħra qrib il-kosta.
Il-Bureau Meteoroloġiku qal li wħud miz-zoni fejn kienet nieżla x-xita rreġistraw l-akbar ammonti (tax-xita) għal aktar minn sena. L-aħħar 24 siegħa kienu anki ‘l-aktar li fihom niżlet xita’ għal fuq il-belt ta’ Sydney, bir-residenti joħorġu jiċċelebraw minkejja l-inkonvenjent.
Il-parti kbira ta’ New South Wales ilha taħt l-effetti ta’ nixfa għal aktar minn tliet snin, b’dawn il-kundizzjonijiet jixprunaw l-intensità tal-istaġun tan-nirien li, fl-aħħar ġimgħat, laħaq livelli mingħajr precedent fl-istorja moderna tal-pajjiż.
//= $special ?>