Lokali Qorti

Protest ġudizzjarju kontra Ian Borg minn 12-il NGO fuq il-mina ta’ Għawdex

Tnax-il entità non-governattiva ppreċentaw protest ġudizzjarju kontra l-Ministru Ian Borg għaliex mhumiex jaqblu mal-proġett tal-mina ta’ Għawdex u dan biex skont huma minħabba l-impatt ambjentali.

L-entitajiet li ffirmaw il-protest qalu li l-għan tagħhom mhux biss huwa li jissalvagwardjaw l-ambjent, iżda li jħarsu wkoll is-saħħa tan-nies, u li jkun hemm transport sostenibbli. Il-protest sar kontra l-awtoritajiet u kontra l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg.

Fil-protest tagħhom li ġie ppreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-entitajiet fakkru li f’Diċembru tal-2018 Ian Borg ħabbar li kienet se toħroġ sejħa internazzjonali għall-bini tal-mina. F’Jannar tal-2020, Infrastructure Malta ppubblikat ‘prequalification questionnaire’ għall-bini tal-mina.

Fil-protest ingħad ukoll li l-liġi Ewropea tgħid li għandha ssir Stima Ambjentali Strateġika. Din tinkludi rapport dwar l-impatti tas-soluzzjonijiet alternattivi kollha u konsultazzjoni mal-pubbliku meta jkun maħsub li jsir tibdil jew modifikazzjoni lil xi pjan, strateġija, jew programm ta’ żvilupp.

Il-protest jgħid ukoll li Transport Malta kienet ħejjiet żewġ dokumenti ta’ strateġija li jeskludu l-konsiderazzjoni ta’ mina taħt il-baħa bejn Malta u Għawdex. Dawn huma n-National Transport Strategy 2050 u t-Transport Master Plan 2025.

Ingħad li l-proġett se jiġġenera ammont konsiderevoli ta’ materjal skavat minn qiegħ il-baħar u l-punt ta’ dħul u ħruġ tal-mina. Sadanittant, jekk l-iskart se jintuża’ għal riklamazzjoni tal-art trid issir mill-ġdid Stima Ambjentali Strateġika (Strategic Environment Assessment).

L-għaqdiet talbu għal informazzjoni dwar l-istima ambjentali, imma qalu li ma rċivewx risposta konvinċenti. L-entitajiet sostnew ukoll li bilfors irid ikun hemm studju dwar x’inhuma l-alternattivi għall-proġett. Spjegaw li trid issir konsultazzjoni biex tintgħażel l-aktar alternattiva sostenibbli.

Qalu li f’dan il-każ l-awtoritajiet diġà għażlu l-iskema. Fil-protest l-entitajiet qed jordnaw lill-awtoritajiet biex jibdew Stima Ambjentali Strateġika u li jgħidu meta se jiġu ppubblikati l-istudji.

Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat minn Din l-Art Ħelwa, Żminijietna – Leħen ix-Xellug, Ramblers’ Association of Malta, Nature Trust Malta, BirdLife Malta, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Kamra tal-Periti, Isles of the Left, u l-Bicycle Advocacy Group. Il-protest ġudizzjarju sar kontra l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, Infrastructure Malta, Transport Malta, u l-Awtorità tal-Ippjanar.