Lokali

Żewġ anzjani jsofru ġrieħi gravi f’ħabta fil-Ħamrun

Raġel ta’ 65 sena residenti ż-Żurrieq u mara ta’ 71 sena minn Birkirkara sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fil-Ħamrun.

Stqarrija tal-pulizija tgħid li l-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-9p.m. Mill-ewwel stħarriġ fuq il-post mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta li r-raġel kien qed isuq karozza tat-tip Volkswagen Golf u l-mara kienet passiġġiera fl-istess vettura meta seħħet ħabta ma’ vettura tat-tip BMW 520D misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 21 sena u li kellu passiġġier miegħu raġel Sirjan ta’ 22 sena. Iż-żewġ Sirjani huma residenti Ħal Qormi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lis-sewwieq ta’ 65 sena u l-passiġġiera ta’ 71 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn iktar tard kienu ċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

Il-persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi. Żewġ vetturi pparkjati tal-għamla Peugeot u Ford kellhom xi ħsarat kaġun tal-ħabta.

Il-Pulizija tad-Distrett qed tmexxi l-investigazzjonijiet.