Internazzjonali

Aktarx instab is-sors li għadda l-Coronavirus lill-bnedmin

Ritratt meħud minn Valerius Tygart

Il-Ġimgħa kien l-agħar jum mindu faqqgħet l-epidemija tal-Coronavirus hekk kif 86 persuna mietu f’ġurnata waħda biss fiċ-Ċina.

Dan ifisser li sal-Ġimgħa kienu mietu iktar minn 720 persuna bil-vittmi kollha ħlief tnejn mietu fiċ-Ċina.

Tħabbret ukoll il-mewt tal-ewwel żewġ barranin; Ġappuniż, li miet f’Wuhan is-Sibt, u Amerikan ta’ 60 sena li miet lejliet, ukoll f’din il-belt Ċiniża.

Hu kkalkulat li l-virus issa laqat lil iktar minn 34,400 persuna mifruxa f’27 pajjiż.

Dan waqt li għaddejja ħidma bla heda biex jinstab is-sors tal-virus, b’riċerkaturi Ċiniżi qed jissuspettaw li l-virus għadda għand il-bnedmin minn annimali magħrufa bħala pangolins.

Dawn il-mammali, li jinstabu fl-Ażja, huma popolari ferm fl-użu tal-mediċina tradizzjonali Ċiniża. L-istudju li sar juri li s-sekwenza ġenetika tal-annimali huma 99% simili għall-ġenetika tal-virus.

Hu maħsub li l-virus oriġina mill-friefet il-lejl iżda għadda fuq dawn l-annimali li min-naħa tagħhom ittrażmettewh lill-bnedmin.

Madankollu din ir-riċerka għadha mhux konkluża u x-xogħol li sar fuqha għadu jrid jiġi ppubblikat formalment. Jekk konfermata, din l-informazzjoni jaf tkun utli għas-sejbien ta’ kura jew tilqima kontra l-virus, li s’issa għadha ma teżistix.

Sadattant fiċ-Ċina u l-madwar qed jiżdied il-paniku, anke jekk il-Gvern Ċiniż qed jipprova jikkontrolla l-biża’.

Dan wara li xterdu xnigħat li ċ-Ċina se twaqqaf l-esportazzjoni ta’ diversi oġġetti, b’mod speċjali t-toilet paper. Għalkemm ix-xniegħa tgiddbet, iċ-ċittadini ta’ Hong Kong bdew jaħżnu kemm jifilħu.

Tant hu hekk li supermarket partikolari saħansitra spiċċa bi kju onlajn, waqt li oħrajn irrappurtaw li spiċċawlhom il-provvisti ta’ toilet paper u tissues.

Sadattant it-Taiwan ta permess lill-cruise liner Super Star Aquarius biex jitrakka mal-port ta’ Keelung wara li fl-aħħar jiem kien hemm projbizzjoni.Abbord hemm 1,738 passiġġier, li kollha ħlief 30 huma mit-Tajwan. Mhux eskluż li dawn kollha jispiċċaw fi kwarantina hekk kif abbord hemm każi konfermati tal-coronavirus.