Il-Qriema mill-Parroċċa ta’ San Sebastjan matul din it-tmiem il-ġimgħa qed itellgħu numru ta’ attivitajiet sabiex ifakkru l-140 sena tal-istatwa tal-ġebel ta’ San Pawl, fi Triq il-Kbira f’Ħal Qormi, ftit ‘l isfel mill-Għassa tal-Pulizija. Din l-istatwa, li l-iskultur tagħha għad irid jiġi stabbilit, saret fuq xewqa tal-Qriema li jgħixu fl-akwati u tqiegħdet f’postha f’Ġunju 1980.
Għada l-Ħadd, l-Għaqdiet Bastjaniżi flimkien mal-Parroċċa u b’kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, se tittella’ Fiera Tradizzjonali mid-9 ta’ filgħodu ‘l quddiem. Wieħed jista’ jgawdi minn wirja t’annimali u t’artiġġjanat Malti, żona għat-tfal b’logħob tradizzjonali, bejgħ ta’ frott taċ-ċitru u bejgħ tal-ikel, ħelu u xorb.
Waqt il-Fiera, se jsir it-Tberik tal-Annimali u fost l-ispettaklu li hemm imħejji, se jkun hemm daqq ta’ marċi mis-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, għana, makjetti tradizzjonali u l-parteċipazzjoni ta’ grupp folkloristiku.
Nhar is-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, fl-10 ta’ filgħodu se ssir quddiesa kkonċelebrata mill-Arċipriet u l-Kleru tal-Parroċċa quddiem l-istatwa tal-ġebel.
//= $special ?>