Futbol Sport

Birkirkara bit-tieni rebħa fi ftit ġimgħat kontra Mosta

(Ritratt: Trevor Sollars)

BIRKIRKARA………… 2

MOSTA…………………. 1

Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, O. Carniello, E. Pepe, C. Bonanni, I. Ntow, R. Briffa, M. Guillaumier, Y. Yankam, P. Mbong (M. Mifsud 81’), F. Falcone

Mosta: N. Vella (A. Vella 64’), E. Sohna, T. Farrugia (P. Xuereb 82’), R. Morisco, D. Brown, T. Agius, S. Martinez Perlaza (G. Aquilina 64’), M. Muchardi, Z. Brincat, T. Yokochi, C. Chaney

Imwissija: R. Briffa 38’, A. Hogg 94’ (B), P. Xuereb 90’ (M)

Skorjaw: I. Ntow 9’, M. Guillaumier 25’ (B), C. Chaney 54’ (M)

Referee: Alex Johnson

Assistenti Referees: Darko Stankovic, Mark Ciantar

Il-mument Plejer tal-logħba: Matthew Guillaumier (Birkirkara)

BOV Plejer tal-logħba: Matthew Guillaumier (Birkirkara)

Attendenza: 448

Birkirkara telgħu fis-sitt post tal-klassifika b’rebħa oħra missielta fuq Mosta 2-1. Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu ftit jiem ilu fl-FA Trophy, bit-tim Karkariż joħroġ rebbieħ bl-istess skor. B’din ir-rebħa huma qabżu lill-istess Mosta u Balzan biex telgħu fis-sitt post u baqgħu jittamaw li jistgħu jiksbu post fl-Ewropa. Dan kien il-ħames riżultat mingħajr telfa fil-kampjonat għalihom. Għal Mosta din kienet it-tieni telfa fi tliet logħbiet.

Mosta laqtu l-lasta wara tliet minuti bi kross ta’ Takanori Yokochi jsib lil Christian Chaney li b’daqqa ta’ ras laqat il-mimduda. Birkirkara fetħu l-iskor fl-ewwel attakk serju fid-disa’ minuta bi kross ta’ Roderick Briffa jsib lil ISAAC NTOW li b’daqqa ta’ ras li ħabtet mal-art, ħasad lil Nicky Vella bil-ballun jispiċċa fix-xibka.

Oscar Carniello mar viċin li jirdoppja fis-17-il minuta b’xutt b’saħħtu li kien salvat f’darbtejn minn Vella. Ċans ieħor għal Birkirkara fl-24 minuta meta xutt ta’ Federico Falcone ħabat mal-lasta u mir-rebound Ntow xeħet barra minn qagħda tajba. Proprju ftit sekondi wara, Birkirkara rduppjaw meta MATTHEW GUILLAUMIER irċieva kross fil-baxx mix-xellug u b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa għeleb lil Nicky Vella. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Mosta setgħu naqqsu d-distakk iżda Chaney ra t-tentattiv tiegħu jispiċċa fuq il-mimduda.

It-tim ta’ Mark Miller daħal fil-logħba fl-54 minuta b’xutt mid-distanza ta’ CHRISTIAN CHANEY li deher li ġie salvat minn Andrew Hogg iżda l-ballun spiċċa baqa’ dieħel fix-xibka. Mosta pruvaw iżidu l-isforzi tagħhom iżda Birkirkara setgħu marru 3-1 minn fuq fis-70 minuta b’xutt ta’ Guillaumier li iżda din id-darba spiċċa fuq il-mimduda. It-tim ta’ Andrè Paus ikkontrolla t-tentattivi tal-avversarji għal tliet punti importanti.