Lokali

GĦADA: Magazine speċjali f’għeluq snin Eddie Fenech Adami

Akkwista l-kopja tiegħek mal-gazzetta 'il-mument'

Il-gazzetta Il-Mument din il-ġimgħa se ssellem, b’magażin, lil Eddie Fenech Adami f’għeluq is-86 sena tiegħu.

Fil-magażin, hemm noti ta’ introduzzjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli dwar il-missjoni tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit matul il-karriera politika twila tiegħu.

Adrian Delia kiteb li l-missjoni ta’ Eddie Fenech Adami kienet li jservi lill-pajjiż. Kompla li għall-ġenerazzjonijiet tagħna, Eddie kien it-tama fiż-żmien ta’ qtigħ il-qalb u l-persuna li ta viżjoni lill-poplu u lill-pajjiż fiż-żmien tad-dlam.

Clyde Puli kiteb li Eddie Fenech Adami wera lil ħafna xi tfisser politika li, fi kliemu stess, għandha tkun biss ta’ servizz. Ismu jibqa’ mnaqqax fl-istorja ta’ pajjiżna bħala wieħed mill-aqwa Prim Ministri ta’ Malta u wieħed mill-akbar Kapijiet li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa tiegħu, il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici fakkar fil-kontribut qawwi li Eddie Fenech Adami ta għad-demokrazija u għat-tmexxija t-tajba tal-pajjiż. Fakkar ukoll kemm Eddie kien politiku eżemplari u li ħaddem tajjeb it-talenti, bħall-intelliġenza, il-kelma qawwija, il-istamina fiżika u l-kuraġġ.

U Beppe Fenech Adami, iben Eddie u Deputat Nazzjonalista, faħħar l-impenn ta’ missieru biex jaqsam mal-poplu l-viżjoni tiegħu għal Malta. Elenka partikolarment il-viżjoni ta’ Eddie favur ir-rikonċiljazzjoni u favur soċjetà li għandha tgħożż il-valuri li sawruha.

Fil-magażin kitbu wkoll l-eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument Victor Camilleri, kif ukoll il-Ġurnalist Dione Borg, li fakkru fl-kontribut deċiżiv li Eddie Fenech Adami ta għall-immaġini tajba ta’ pajjiżna u anke l-prinċipji tas-sewwa li mexxa bihom lill-Partit Nazzjonalista u lil Malta.

Ma jonqsux għadd sabiħ ta’ ritratti, li jmexxuna fil-ħajja politika sa minn qabel ma sar Kap tal-Partit Nazzjonalista sal-Presidenza. Il-gazzetta Il-Mument se tinbigħ għall-prezz ta’ €2.50.