Futbol Sport

Gowl ta’ Fonseca lejn it-tmiem jevita telfa oħra għal Floriana

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Stewart Said

GŻIRA U…………….. 2

FLORIANA…………. 2

Gżira: J. Haber, D. Xuereb, R. Soares, F. Barbosa, S. Borg, Z. Scerri, M. Criaco, N. Muscat (J. Corbalan 82’), M. Davis (A. Cohen 80’), H. Kone (A. Samb 75’), W. Domoraud

Floriana: I. Akpan, A. Cini (T. Vella 85’), E. Ruiz, J. Pisani, R. Camenzuli, D. Venancio, U. Arias (J. Busuttil 61’), S. D’Agostino (C. Borg 95’), M. Dias, T. Fonseca, K. Keqi

Imwissija: U. Arias 36’, D. Venancio 62’, E. Ruiz 70’ (F), N. Muscat 42’, A. Cohen 86’, S. Borg 90’ (G)

Skorjaw: S. D’Agostino 32’, T. Fonseca 87’ (F), M. Criaco 50’, 65’ (G)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Mitchell Scerri

Il-mument Plejer tal-logħba: Marco Criaco (Gżira United)

BOV Plejer tal-logħba: Marco Criaco (Gżira United)

Attendenza: 1701

Gowl lejn it-tmiem ta’ Tiago Fonseca ċaħħad lil Gżira United minn rebħa importanti iżda fl-istess ħin għen lit-tim tiegħu jibqa’ fil-quċċata għalkemm intlaħqu minn Valletta. Floriana kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda r-reazzjoni ta’ Gżira wasslet biex dawru r-riżultat b’żewġ gowls mill-isbaħ ta’ Marco Criaco. Dan kien l-ewwel punt ta’ Paul Zammit mit-tmexxija tal-Gżira.

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-ewwel parti tal-logħba kienet dominata minn ħafna azzjonijiet f’nofs il-grawnd, b’Wilfried Domoraud ikun perikoluż għal Gżira fil-21 minuta b’xutt li ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka. Floriana fetħu l-iskor fit-32 minuta b’korner mix-xellug ta’ Diego Venancio jkun imxellef, bil-ballun jispiċċa għand STEFANO D’AGOSTINO li b’xutt mill-ewwel li kien imxellef għeleb lil Justin Haber.

Reazzjoni minn Gżira li fis-37 minuta resqu qrib id-draw b’xutt mibrum ta’ Hamed Kone jgħaddi ċentimetri barra. Żewġ minuti wara, Marcelo Dias falla ċans tajjeb b’daqqa ta’ ras li għaddiet għoli wara kross mil-lemin. Fl-44 minuta, xutt ta’ Zachary Scerri għadda għoli.

Bidu mill-aqwa għal Gżira li fil-50 minuta ġabu d-draw f’azzjoni mill-isbaħ. Domoraud ivvertikalizza lejn MARCO CRIACO li dar u għadda l-ballun minn bejn saqajn Alex Cini, qabeż lil Ini Akpan u minkejja li ssikkat żerżaq il-ballun fix-xibka. Gżira għollew il-livell tagħhom u fid-59 minuta ħolqu azzjoni oħra. Martin Davis qassam lejn Zachary Scerri iżda minn qagħda tajba x-xutt kien ċentrali u salvat minn Akpan.

Il-Maroons marru fil-vantaġġ fil-65 minuta bi ġmiel ta’ gowl ieħor. Din id-darba kien kross mil-lemin ta’ Dexter Xuereb li sab lil MARCO CRIACO, bil-midfielder jiskorja ġmiel ta’ gowl ieħor b’xutt mill-ewwel li kien b’saħħtu għal Akpan biex isalva. Floriana żiedu l-isforzi fl-attakk iżda ma kinux perikolużi għal Justin Haber. Dan sakemm fis-87 minuta ġabu d-draw bi free-kick mil-lemin ta’ Diego Venancio jsib lil TIAGO FONSECA li għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Haber.