Matul l-għodwa tas-Sibt, il-komunità Palestinjana żammet protesta informattiva fid-daħla tal-Belt Valletta biswit il-Parlament kontra l-Pjan tas-Seklu għall-Paċi mniedi mill-Presidenti Amerikan, Donald Trump, u l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, l-ġimgħa l-oħra fil-White House, biex iġġib fi tmiemu l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina.
Fil-fehma tal-Palestinjani, dan huwa pjan kummerċjali li joffri ħlas lill-Palestina bħala kumpens mill-Iżrael biex ikollha ħakma fuq 30% tal-artijiet fix-Xatt tal-Punent li ilhom okkupati mill-1967.
Dan huwa inaċċettabbli għall-Palestina għaliex il-pjan Trump jinjora r-rizoluzzjoni 242 tal-Ġnus Magħquda li tappella għal tmiem tal-okkupazzjoni Iżraeljana tal-1967 u tiddikkja lill-Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-Kapitali tal-Palestina. Dan il-pjan lanqas ma jagħti lura 6 miljun refuġjat Palestinjan madwar id-dinja, ebda sovranità lill-Palestina fil-fruntieri, fiż-żoni militari, fil-kontroll tal-ispazju tal-ajru u r-riżorsi tagħha, bħall-ilma u l-gas.
L-Ambaxxatur tal-istat Palestinjan f’Malta, Fadi Hanania, saħaq li kemm pajjiżu kif ukoll l-Iżrael m’għandhomx bżonn dak li fi kliemu sejjaħlu “ftehim tas-seklu” finta iżda negozjati biex li jwassal għall-pjan bi qbil unanimu bejn iż-2 stati:
“Il-pjan għandu jtemm l-okkupazzjoni tal-Palestina, jagħti d-dritt li jirritornaw ir-refuġjati u li jilħaq kompromess sabiex Ġersualemm tal-Lvant issir il-Kapitali tal-istat tal-Palestina iżda mhux esklussivament għalina. Nixtiequ li jkun hemm moviment ħieles għar-reliġjonijiet kollha sabiex jiġu jipprattikaw il-fidi rispettiva tagħhom f’din il-parti tal-belt, kemm għall-Musulmani, l-Insara u l-Lhud ukoll. Għadna nittamaw li l-Iżrael tilqa’ l-id tal-ħbiberija tagħna sabiex nidħlu f’negozjati skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Ġnus Magħquda, u hawn niddependu fuq l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, speċjalment Malta, sabiex nilħqu l-għan raġunat tagħna.”
Malti t’oriġini Palestinjana, Hamza Awad, li ħareġ isemma’ leħnu fil-Belt, saħaq kif il-ftehim se jimmina lill-Palestina:
“L-istat Palestinjan mhux se jaċċetta dan il-ftehim minħabba ħafna affarijiet li saru mill-Iżrael, fosthom li x-Xatt tal-Punent hija art okkupata mhux suppost mhijiex .”
Ma’ Hamza, kien hemm Bader Zina li qal li l-karità li qed joffri Trump se jkompli jnaqqar mid-drittijiet u t-territorju li diġà għandha l-Palestina:
“F’dan il-pjan, il-Palestinjani qed jiġu mċaħħda minn kwalunkwe dritt, anki dak li diġà hu tagħna bi dritt. Kwalunkwe karità jew ġenerożità li qed tiġi offruta ma hijiex filfatt għax kull ma se jibqa’ mill-Palestina Storika hija inqas 15 %, meta bħalissa għandna 30% tal-art storika. Wara kull kompromess jew pjan propost, il-poplu Palestinjan qed jiġi mċaħħad biċċa biċċa mill-artijiet tiegħu sakemm issa spiċċajna f’sitwazzjoni li kważi m’għandna xejn. Il-Palestina qed tiġi sfurzata taddotta pjan mingħajr ma ġiet kkonsultata fuqu u wisq anqas ntlaħaq ftehim.”
//= $special ?>