Futbol Sport

Jista’ jkun l-aħħar ċans għal Gżira United biex jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: Floriana FC)

Valletta v Balzan (illum fis-2.00pm fl-Istadium Nazzjonali)

Ir-rebħa kontra Floriana nisslet fiduċja ġdida fit-tim Belti li jistgħu serjament jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Valletta ġejjin minn għaxar riżultati utli fil-kampjonat u jistgħu jitqiesu bħala wieħed mill-aktar timijiet fil-forma. Balzan għandhom il-mira li jiksbu post fl-Europa League staġun ieħor, iżda fil-preżent jinsabu ftit distakkati u aktar ma jonqsu l-logħob u jitilfu l-punti, tkompli tonqos il-probabbiltà li jispiċċaw mal-ewwel tlieta. Huma ġejjin minn telfa kontra Floriana u draw kontra Birkirkara.

Gżira U. v Floriana (illum fl-4.00pm fl-Istadium Nazzjonali)

It-telfa ta’ Floriana kontra Valletta, ħalliet lil Gżira United jittamaw li jistgħu jirkupraw u jirbħu l-kampjonat. Il-Maroons ġejjin minn telfa kontra Sliema Wanderers, f’dik li kienet ir-raba’ waħda għalihom fl-aħħar seba’ logħbiet. Floriana għadhom fil-quċċata iżda wara li sofrew it-tieni telfa fil-kampjonat, il-vantaġġ tagħhom naqas. Wara diversi ġimgħat, Floriana jistgħu jitilfu l-ewwel post u għalhekk meħtieġa reazzjoni mill-plejers Furjaniżi biex jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom. Marcelo Dias mistenni jagħmel id-debutt, Tiago Fonseca mistenni jirritorna u Matias Garcia se jkun sospiż.

Gudja U. v Sliema W. (illum fis-2.00pm fis-Centenary Stadium)

Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħa wara tliet telfiet konsekuttivi u qed iħarsu lejn il-konfront dirett kontra Gudja United b’ottimiżmu li jkomplu jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni. Gudja kisbu punt fl-aħħar erba’ logħbiet, rendiment li jinkwieta lill-kowċ Josef Mansueto. Il-Kolombjan Juan Bolanos se jirritorna minn sospensjoni, bil-kowċ Slimiż Alfonso Greco jittama li l-akkwisti l-ġodda jħallu l-impatt mixtieq.

Birkirkara v Mosta (illum fl-4.15pm fis-Centenary Stadium)

Iż-żewġ timijiet iltaqgħu ftit ġimgħat ilu fl-FA Trophy, bit-tim ta’ Birkirkara joħroġ rebbieħ 2-1 f’logħba missielta. Birkirkara għandhom l-għan li jiksbu sensiela ta’ rebħet biex jitilgħu fin-naħa ta’ fuq filwaqt li Mosta jridu aktar punti biex jikkonfermaw posthom fil-Kampjonat Premier. Birkirkara ġejjin minn żewġ draws konsekuttivi kontra Senglea Athletic u Balzan filwaqt li Mosta kisbu tliet rebħiet fl-aħħar erba’ logħbiet fil-kampjonat. Il-konfront tal-ewwel kien intemm 1-1.

Tarxien R. v Santa Lucia (għada fis-2.00pm fil-Hibernians Stadium)

Tarxien Rainbows jittamaw f’riżultat pożittiv ieħor biex jibdew jemmnu li jistgħu jevitaw relegazzjoni diffiċli. It-tim ta’ Demis Paul Scerri kiseb l-ewwel rebħa fl-aħħar logħba kontra Ħamrun. Iżda l-avversarji tagħhom jinsabu għaddejjin minn forma tajba hekk kif ġejjin minn draw kontra Valletta u rebħiet konsekuttivi kontra Gżira United u Gudja United. Farid Zuniga u Luis Riascos jirritornaw minn sospensjoni. Fl-ewwel rawnd, Santa Lucia kienu rebħu 2-1.

Senglea A. v Hibernians (illum fl-4.00pm fil-Hibernians Stadium)

Hibernians jittamaw li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Sirens. Il-Pawlisti kienu ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u għal din il-logħba se jkollhom żgur neqsin lil Joseph Mbong li hu sospiż u lil Jurgen Degabriele li jinsab imweġġa’. Senglea għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa taħt il-kowċ Giorgio Roselli iżda wkoll ilhom bla rebħa fil-kampjonat mit-18 ta’ Ottubru, serje ta’ riżultati li poġġewhom fiż-żona tar-relegazzjoni. Jan Tanti u Sigitas Olberkis huma sospiżi.

Sirens v Ħamrun S. (it-Tnejn fit-3.00pm fl-Istadium Nazzjonali)

Sirens għandhom opporunità oħra li jkomplu jissorprendu b’konfront kontra Ħamrun Spartans. Sirens fil-preżent jinsabu fit-tielet post u fl-aħħar tliet logħbiet kisbu seba’ punti. Għal Ħamrun se jagħmel id-debutt il-kowċ il-ġdid Andrea Ciaramella. It-Taljan għandu biċċa xogħol iebsa biex imexxi tim li ilu ma jirbaħ disa’ logħbiet fil-kampjonat u jinsab biss erba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.