Lokali

Jiżdiedu d-dubji dwar jekk Melvin Theuma hux jgħid il-verità

Is-seduti tal-aħħar jiem li fihom komplew ix-xhieda jew il-kontro eżami fil-konfront ta’ Melvin Theuma, qajmu iktar dubji dwar jekk hux jgħid il-verità.

Dawn id-dubji huma pjuttost serji hekk kif il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ngħata maħfra presidenzjali bil-patt u l-kundizzjoni li jikxef dak kollu li jaf.

Il-Ġimgħa, l-avukat tal-aħwa Degorgio, William Cuschieri, għal diversi drabi attakka l-kredibbilta’ tax-xhieda tal-middleman. Filfatt Theuma ripetutament kien mistoqsi diversi mistoqsijiet mill-avukati li dehru li mhux jemmnuh.

F’mumenti ta’ paniku, Melvin Theuma deher ibus is-salib ripetutament u jinsisti li hu qatt ma semma’ l-isem ta’ Yorgen Fenech mat-tliet irġiel li splodew il-bomba fil-Bidnija.

Theuma reġa’ esprima dubju jekk irredorkjax nies oħra apparti Fenech b’Alfred Degiorgio jinstema’ minn dawk kollha preżenti fl-awla jlissen il-kliem “kemm qed jivvinta.”

Id-dubji li tqajmu fil-Qorti wasslu għal mewġa ġdida ta’ pressjoni biex il-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma tiġi rtirata.

Dan waqt li l-eks Membru Parlamentari Ewropea f’isem il-Partit Laburista, Marlene Mizzi fuq il-midja soċjali ddikjarat li “l-maħfriet presidenzjali huma biss liċenzja għall-gideb” waqt li appellat biex titteħidlu.

Il-kumment tagħha jasal l-għada li Theuma għamel allegazzjoni li l-eks Chief of Staff Keith Schembri avviċina lill-Imħallef Irtirat Antonio Mizzi biex jirranġa l-bail għat-tliet akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi hu r-raġel ta’ Marlene Mizzi, li l-imparzjalità tiegħu f’dan il-każ kienet diġa tpoġġiet f’dubju b’kawża miftuħa fil-Qorti mid-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil.