Lokali

L-akbar bidla li għandu jagħmel il-PN hi l-attitudni – Adrian Delia

Il-Partit huwa tal-partitarji u mhux tal-ftit

“Il-Partit Nazzjonalista għandu r-ruħ u l-qalb tiegħu fil-partitarji u mhux fl-istatut”. Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, waqt intervista minn Angelo Micallef fuq NET FM. Huwa semma’ kif kultant ninsew li l-Partit Nazzjonalista huwa primarjament tal-partitarji, u enfasizza l-importanza li nżommu dan il-kunċett ħaj. Parti mir-riforma fil-Partit hi li l-attivisti jkunu iktar parteċipi biex il-poltitika tal-PN ma ssirx minn fuq għal isfel iżda billi huma jkunu involuti ikar fil-formazzjoni tal-politika.

Għaldaqstant, il-Kap tal-PN Adrian Delia sostna li kien ikkomunika ma’ l-ex Segretarju Ġenerali tal-PN Louis Galea sabiex ir-riforma fil-PN tkun aktar mifruxa, aktar rivoluzzjonarja u li tinkludi tiġdid iktar radikali. Hu qal li l-għerf kumulattiv tal-mijiet u l-eluf tat-tesserati u l-attivisti għandu jiggwida lill-Partit Nazzjonalista għaliex dawn flimkien jirrappreżentaw setturi differenti tas-soċjetà. Dawn jirriflettu iktar lis-soċjetà u b’hekk il-messaġġ ikun iktar jista’ jintitehem ferm aħjar mill-istess soċjetà.

Dwar ir-riżenji ta’ Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali tal-PN u ta’ Robert Arrigo minn Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Partit, il-Kap tal-PN qal li dawn issottomettew ir-riżenja tagħhom permezz ta’ ittri dettaljati u li kellhom l-istess linja ta’ raġunijiet li wasluhom għal dawn id-deċiżjonijiet. “Dan hu pass drastiku li fih Clyde Puli u Robert Arrigo offrew ir-riżenja tagħhom u issa jiddependi minni jekk naċċettax dawn ir-riżenja jew nitolobhomx jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom”, sostna Adrian Delia.

Il-Kap tal-PN semma’ d-diffikultajiet interni li semma’ Robert Arrigo dwar dak li seħħ fl-aħħar 30 xahar fil-PN kemm ilu Viċi-Kap. Jekk fil-PN m’hemmx l-abbiltà ta’ għaqda wara l-Kap allura l-PN mhux se jaġixxi bħala unità waħda u b’saħħitha. Jekk ikun hemm tfixkil, is-sitwazzjoni tkun agħar. “Iridu għalhekk jittieħdu l-passi radikali u drastiċi biex il-PN ma jinħatafx mill-ftit li jaħsbu li l-PN hu tagħhom”, sostna Adrian Delia. Il-Kap tal-PN tkellem dwar demm ġdid u parteċipazzjoni usa fil-PN u qal li l-PN għandu jinvolvi iktar żgħażagħ b’ideat ġodda fih. Ir-ruħ tal-PN ma tinstabx fl-istatut u fil-manifesti iżda fin-nies li jifformaw il-PN. Hu fundamentali li jsiru r-riformi u t-tiġdid iżda l-ikbar rivoluzzjoni għandha tkun il-bidla fil-mentalità.

Aħna qiegħdin hawn biss biex inservu u naraw kif se ngħinu lin-nies, sostna Adrian Delia, li enfażizza l-importanza tal-appoġġ tal-politiċi lin-nies u lis-setturi tas-soċjetà. Il-Kap tal-PN kompla li l-politiku jrid ikun għas-servizz tan-nies fir-realtajiet tagħhom fosthom fl-ambjent, fit-trasport effiċjenti, fix-xogħol, fil-futur taż-żgħażagħ, fl-enerġija nadifa, fil-governanza tajba, fl-isport, fil-pagi diċenti, fl-edukazzjoni, fis-solitudni u fl-anzjanità attiva u ħajja diċenti. Il-politiku jrid ikun protagonist billi jikkritika waqt li jipproponi l-aħjar proposti.

Il-Kap tal-PN rrifera għall-akkużi li saru kontrih u qal li mill-PN hu ma jieħu xejn bħala paga u għandu biss is-salarju mill-parlament; li hu ferm inqas minn dak li kellu fis-settur privat fejn kien qabel. Hu qal li mhux minnu lanqas li ma ħallasx it-taxxi u spjega kif diġà wera d-dokumenti kollha lill-gazzetti bl-evidenza wkoll; dawn huma dokumenti pubbliċi iżda hemm min irid jibqa’ jinganna.

Jekk hemm xi ħadd li għandu xi informazzjoni li jaħseb li timmerita investigazzjoni, jien lest li dawn isiru iżda s’issa ħadd ma bagħat għalih, sostna l-Kap tal-PN. M’għandi xejn x’naħbi fuq l-ebda każ lanqas l-allegat każ li seħħ 20 sena ilu fuq xoghol ta’klijent u Mhux personali, sostna l-Kap tal-PN.

Il-Kap tal-PN kompla li hu dejjem iżomm kuntatt ma’ kulħadd iżda f’dawn il-ġranet u ġimgħat se jżid dan l-impenn. Hu qal li sa Marzu 2020 tkun tlestiet parti mir-riforma fil-PN u issa l-PN irid joħroġ fit-toroq jitkellem man-nies. Impenjat li se jkolli iktar enerġija u se nibda ndur is-sezzjonijiet kollha tal-PN biex niltaqa’ mal-attivisti u t-tesserati bla waqfien.

Dan biex, flimkien, it-tesserati jkollhom l-abbiltà li jħossuhom li qed jagħtu l-ideat lill-Kap tal-PN. Dwar ir-riforma fil-PN, Adrian Delia qal li hu kien talab parir lil Louis Galea biex dan jagħti parir dwar kif issir ir-riforma. Hemm urġenza biex issir din ir-riforma, sostna Adrian Delia, li qal li hu qed iħeġġeġ lil Louis Galea biex il-bidliet ikunu radikali b’tiġdid ikbar.

Hu sostna li jrid jiddaħħal demm ġdid fil-PN mhux biss permezz tal-istatut iżda b’riforma importanti f’diversi setturi fosthom il-media u l-mod kif il-PN iwassal il-messaġġ tiegħu kif ukoll fil-finanzi tal-PN li huma ħżiena ħafna. Hu rringrazzja l-impenn ta’ Robert Arrigo li minkejja r-riżenja, għandu jibqa’ jgħin lill-PN fil-finanzi tiegħu. L-akbar rifroma għandha tkun dik fil-mentalità fejn għandha ssir rivoluzzjoni, sostna Adrian Delia. Il-PN għandu jkun umli u viċin in-nies biex jilħaq il-faxex kollha tas-soċjetà.

Hu sostna li l-PN irid l-ewwel ikun Oppożizzjoni serja u b’saħħitha u wara jkun gvern alternattiv. “Se nagħmel minn kollox biex inwettaq dak l-impenn li tawni x’nagħmel it-tesserati tal-PN” temm jgħid Adrian Delia.