Lionel Messi għandu l-ħsieb li jibqa’ ma’ Barcelona minkejja l-argument li kellu mad-Direttur Sportiv tal-klabb Eric Abidal. Skont rapporti fil-media internazzjonali, l-Arġentin mhux qed jaħseb biex iħalli liċ-champions Spanjoli u jibqa’ determinat li jibqa’ sat-tmiem tal-kuntratt tiegħu li jiskadi s-sena d-dieħla. Jidher li Messi ma għandux għaġġla biex jiddiskuti kuntratt ġdid u jippreferi li jimxi sena b’sena. Barcelona jippreferu jiddiskutu kuntratt ieħor kbir biex jassiguraw li l-plejer itemm il-karriera magħhom.
Il-ħsieb oriġinali ta’ dan l-argument kien li Messi ħassu obbligat li bħala captain jaqbeż għal sħabu u fl-istess jisħaq li hu ma jikkmandax fil-klabb. Din l-aħbar intlaqgħet tajjeb mill-partitarji, il-media Spanjola kif ukoll minn sħabu fit-tim. Is-sitwazzjoni jidher li kkalmat, b’diskussjoni bejn Messi u l-President tal-klabb Josep Maria Bartomeu li wkoll tkellem separatament ma’ Abidal. Jekk il-futur ta’ Messi jidher stabbli, dak ta’ Abidal mhux l-istess hekk kif qed ikun taħt pressjoni wara li numru ta’ akkwisti għadhom ma ħallewx l-effett mixtieq fosthom Frenkie de Jong.
Dan minbarra li mill-akkademja La Masia, ħadd ma daħal fit-tim B, bl-ebda plejer mill-aħħar 46 ma jagħmel il-grad taħt diversi Diretturi Sportivi fosthom Abidal, għalkemm xi plejers mit-tim B għamluha fl-ewwel tim. Abidal li lagħab sitt snin ma’ Barcelona bħala plejer, għandu sajf importanti quddiemu hekk kif irid isaħħaħ it-tim biex jerġgħu jkunu dominanti kemm fil-kampjonat kif ukoll fil-UEFA Champions League.
//= $special ?>