Edukazzjoni Knisja Kultura Lokali

“Mudell eżemplari u pilastru għall-komunità ta’ Ħal Luqa”

Nicolette Aquilina premjata Żagħżugħa tas-Sena 2019

Waqt ċeremonja organizzata mill-Moviment Kerygma fil-Knisja tad-Dumnikani fir-Rabat il-Ġimgħa filgħaxija, il-President ta’ Malta, George Vella, ppreżenta liż-żagħżugħa Ħalluqija, Nicolette Aquilina, il-Premju Żagħżugħa tas-Sena 2019, sponsorjat mill-APS Bank. Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mibki Rudolph Saliba, l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma.

Aquilina ntgħażlet minn fost 4 nominati oħra, li kienu Jean-Claude Borg mill-Imsida, Nathan Borg mis-Siġġiewi, Amy Chetcuti mill-Isla u Martina Livori minn Bormla.

Il-komunità Ħalluqija, kemm fil-Parroċċa u anki fiċ-Ċentru taż-Żgħazagħ, iddeskrivew lil Nicolette bħala mudell eżemplari u pilastru għall-komunità minħabba l-attenzjoni individwali li tagħti lil kull membru taċ-Ċentru, tant li tmur lil hinn minn triqitha sabiex tgħinhom f’problemi personali.

Iż-żagħżugħa ta’ 23 sena, gradwata mill-Università u membru tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u tas-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni ukoll, f’dawn l-aħħar 9 snin kienet ta’ ispirazzjoni u għajnuna kbira għal żgħażagħ oħra li jattendu ċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Luqa. Bil-ħeġġa u ħidmietha, Aquilina rnexxielha tirreplika b’għaxar darbiet n-numru ta’ membri taċ-Ċentru mill-2016 ‘l hawn għall-40.

F’dawn l-aħħar sentejn, Nicolette Aquilina serviet ta’ Chairperson taċ-Ċentru u bl-organizzazzjoni u l-koordinament tagħha ta’ bosta attivitajiet u laqgħat edukattivi, soċjali u spiritwali bl-inklużjoni tal-ġenituri, voluntiera u anzjani Luqin, iċ-Ċentru kiber spiritwalment u soċjalment. Fl-istess ħin, il-binja taċ-Ċentru, li għaddejja minn rinovazzjoni b’fondi Ewropej biex issir aktar aċċessibli u moderna għall-ħtiġijiet tal-lum, ġiet offruta minnha lill-għaqdiet oħra Ħalluqin li m’għandhomx fejn jiltaqgħu.

Il-President ta’ Malta feraħ lill-Moviment Kerygma għall-organizzazzjoni u saħaq li l-premju jesponi l-ħidma volontarja ta’ tant żgħażagħ f’organizzazzjonijiet li jrawwmu valuri kbar biex isiru ċittadini rispettabbli għall-pajjiż. Dan minkejja l-isfidi kbar biex joffru ħinhom b’enerġija u dedikazzjoni waqt li jaħdmu u jistudjaw. Fost dawn il-voluntiera żgħażagħ, wieħed isib ħaddiema, bħal carers u infermiera, li jagħtu qalbhom lil pazjenti tagħhom b’tant dedikazzjoni u mħabba lil hinn ħafna min dak mistenni minnhom.

George Vella feraħ lill-ħames nominati u ħeġġiġhom ikomplu b’ħidmiethom fil-volontarjat biex mhux biss jgħinu lil ħaddieħor fil-bżonn, iżda jibqgħu miġburin u ma jintilfux f’aljenazzjonijiet negattivi.