Lokali

Tingħata l-aħħar tislima Chantelle Chetcuti

Chantelle Chetcuti, il-vittma tal-ewwel delitt għal din is-sena f’pajjiżna, ingħatat l-aħħar tislima minn diversi qraba u ħbieb tagħha ġewwa l-Knisja ta’ Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid.

Waqt l-omelija, il-Kappillan David Farrugia kkundanna kull tip ta’ vjolenza domestika, kemm fuq in-nisa u anke l-irġiel.

Kif ġara fil-każ ta’ Chantelle, hu fakkar li l-imħabba kapaċi tinbidel f’waħda ta’ mibgħeda. Hu ħeġġeġ biex dawk konċernati jieħdu azzjoni biex kull tip ta’ vjolenza, b’mod speċjali dik li twassal għall-fatalità, tiġi evitata.

Il-Kappillan esprima x-xewqa li d-dizgrazzja li wasslet biex Chantelle titlef ħajjitha tati tama lil dawk in-nies kollha li jinsabu għaddejjin minn xi tip ta’ vjolenza. Hu ħeġġeġ lill-vittmi biex jitkellmu dwar dak li għaddejjin minnu biex jiġu evitati każi simili.

Sadattant il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Justin Borg, il-persuna mixlija bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu se tibda nhar it-Tlieta li ġej quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

Justin Borg, li għandu 33 sena u residenti Ħal-Safi, jinsab miżmum il-ħabs wara li tressaq il-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa.

Chantelle kienet ukoll omm iż-żewġ uliedu bniet li għandhom seba’ u tlettax-il sena. Sfortunatament huma, flimkien ma qrabathom, kellhom jassistu għall-funeral t’ommhom, waqt li mbikkma. Il-qtil seħħ nhar il-Ħadd li għadda f’Żabbar quddiem każin tal-futbol. Chantelle mietet b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha, b’waħda minnhom tinfed ukoll ngħasha; aggressjoni li seħħet wara argument jaħraq bejniethom.