Internazzjonali

Ċina: L-imwiet mill-coronavirus jaqbżu lill-vittmi tas-SARS tal-2003

In-numru ta’ imwiet mill-infezzjonijiet bil-coronavirus ġdid issa qabeż l-ammont tal-imwiet li rriżultaw mill-epidemija tas-SARS li wkoll kienet feġġet fiċ-Ċina fl-2003.

Fil-provinċja Ċiniża ta’ Hubei – l-epiċentru tal-epidemija tal-coronavirus – l-uffiċjali tas-saħħa lokali kkonfermaw li l-vittmi li tilfu ħajjithom b’konsegwenza tal-virus ġdid issa qabeż is-780. Dan meta mietu b’kollox 813 persuna mill-effetti tal-coronavirus, b’żewġ każi tal-mewt biss ( f’Hong Kong u l-Filippini) ikunu reġistrati barra ċ-Ċina.

Intant, ‘il fuq minn 34,800 persuna spiċċaw infettati bil-coronavirus madwar id-dinja — bil-parti kbira tagħhom jinzertaw fiċ-Ċina. Dan waqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat emerġenza globali minħabba din is-sitwazzjoni ġdida.

Fl-aħħar bulletin fi tmiem il-ġimgħa, l-uffiċjali tas-saħħa f’Hubei kienu rappurtaw 81 ‘każ fatali ġdid’ għall-ġurnata tas-Sibt biss.

Fl-2003 kienu mietu 774 persuna mill-effetti tas-SARS (severe acute respiratory syndrome) f’aktar minn 20 pajjiż. Is-SARS, l-istess bħal dan il-coronavirus ġdid, kien jattakka lis-sistema tan-nifs fost il-konsegwenzi allarmanti għall-persuni infettati li diversi drabi rriżultaw fatali.