Lokali Mużika

Destiny se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest

Iż-żagħżugħa Karkariza Destiny se tkun l-Ambaxxatriċi ta’ pajjiżna fl-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest, li f’Mejju li ġej se jinżamm f’Rotterdam fl-Olanda.

Dan wara li s-Sibt filgħaxija, iż-żagħżugħa ta’ 17-il sena iddominat ix-show mużikali li fl-aħħar ġimgħat kellu jwassal għal din l-għażla. Hi ntagħżlet bl-għażla tal-pubbliku bit-televoting.

Din is-sena, l-istess bħal ma ġara s-sena l-oħra, ir-rappreżentanza Maltija għall-Eurovision tkun dik li tirbaħ il-programm televiżiv X-Factor fuq ix-Xandir tal-Istat.

Destiny għelbet l-isfida ta’ Justine Shorfid, il-grupp FAITH u Kyle. Minbarra r-rappreżentanza fil-Eurovision, Destiny mistennija tiffirma wkoll ftehim ma’ kumpanija internazzjonali.

Detiny hija wiċċ rinomat fix-xenz mużikali Maltija hekk kif ta’ sa minn età żgħira diġà kisbet diversi suċċessi. Lura fl-2015 hi rebħet il-Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Not My Soul filwaqt li fl-2017 għamlitha sas-semi finali ta’ Brittian’s Got Talent.

Wara dan ir-riżultat, Destiny rċeviet eluf ta’ messaġġi ta’ awguri, fosthom mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li feraħ lil din il-kantanta Karkariża għal dan is-suċċess. Filwaqt li feraħ ukoll lill-parteċipanti l-oħra li waslu sal-Finali, il-Partit Nazzjonalista qal li dawn huma vetrina tat-talent li għandu l-poplu Malti u Għawdxi.

Tags