Lokali

Flimkien nistgħu nagħmlu politika li tindirizza l-bżonnijiet tan-nies – Adrian Delia

Jeħtieġ li kulħadd jaħdem bħala front wieħed

“Il-politika tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun mfassla minn nies u mwassla minna lkoll flimkien”. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika ġewwa l-Mellieħa. Saħaq li l-bibien tal-Partit Nazzjonalista ser jibqgħu miftuħin sabiex il-Partit Nazzjonalista jikber billi jilqa’ fih nies u ideat ġodda. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista m’huwa tal-ebda individwu jew grupp ta’ nies iżda huwa tal-partitarji u t-tesserati; li jridu lill-Partit Nazzjonaista jimxi ‘l quddiem.

Waqt id-diskors tiegħu Adrian Delia rringrazzja lill-kumplament tat-tmexxija tal-partit tax-xogħol li twettaq; partikolarment lil Robert Arrigo u Clyde Puli, li ftit tal-jiem ilu rriżenjaw mill-karigi ta’ Viċi Kap għall-ħidma fil-Partit u Segretarju Ġenerali rispettivament. Irringrazzjahom tas-sagrifiċċji kbar li wettqu filwaqt li esprima x-xewqa tiegħu li dawn jibqgħu jagħtu sehemhom fil-partit għaliex għandhom ħafna x’joffru lill-PArtit NAzzjonalista u lill-pajjiż.

Rigward is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li d-deċiżjonijiet illi ser jieħu ser ikunu kollha fl-interess tal-partit u mhux fl-interess tiegħu jew ta’ xi individwi oħrajn. Sabiex il-bidla li jeħtieġ il-partit tidħol fis-seħħ, hemm bżonn li kulħadd jagħmel l-istess u jpoġġi l-interessi tal-partit qabel l-interessi tiegħu. L-isfidi li qed naffaċċjaw fil-preżent jitolbu mhux biss kritika iżda wkoll ħidma konġunta minn kulħadd. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kompla billi qal illi huwa lest li jaħdem ma’ kulħadd; diment li dak li jkun ikun lest jaħdem miegħu b’rieda tajba.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Adrian Delia appella lill-partitarji kollha sabiex f’dawn iż-żminijiet meta pajjiżna jeħtieġ oppożizzjoni b’saħħitha u alternattiva vijabbli għall-gvern laburista, jpoġġu l-lealtà tagħhom lejn il-Partit Nazzjonalista l-ewwel sabiex flimkien inwettqu it-tibdil neċessarju; mhux biss dak strutturali iżda wkoll fl-attitudni tagħna.