Internazzjonali

Irlanda: L-ewwel sinjali ta’ staġnar politiku wara l-elezzjoni

Il-Kummissjoni Elettorali fir-Repubblika Irlandiża għaddejja bl-għadd tal-voti li ntefgħu fl-elezzjoni nazzjonali – fost indikazzjonijiet (exit poll) ta’ kisbiet storiċi għan-nazzjonalisti tax-xellug tal-Partit Sinn Fein. Filwaqt li għad ma ħarġux riżultati konkreti, hemm is-sinjali li l-elezzjoni għandha tħalli xenarju politiku ftit ‘imwiegħer’, bl-ebda triq ċara lejn Gvern ġdid ta’ koalizzjoni.

L-appoġġ għal Sinn Fein – l-eks fergħa politika tal-organizzazzjoni paramilitari IRA – deher li ħa spinta sal-punt fejn dan il-partit laħaq il-livell taż-żewġ partiti tradizzjonali, Fine Gael u Fianna Fail, bi 22 fil-mija tal-appoġġ popolari. Il-partiti Fine Gael u Fianna Fail huma t-tnejn entitajiet politiċi taċ-ċentru-lemin li ddominaw il-politika fl-Irlanda għal seklu sħiħ.

Madankollu, hemm ukoll il-possibbiltà li Sinn Fein, bħala l-partit tax-xellug ewlieni fl-Irlanda, jaqa’ lura fil-konfront taż-żewġ rivali tradizzjonali peress li kkuntesta għall-Parlament b’anqas kandidati mill-partiti l-oħra.