Lokali

Jeħtieġ li kulħadd jaħdem bħala front wieħed – PN

Fl-attività politka fil-Każin tal-PN fil-Mellieħa, tkellmu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self-Employed, Negozji Żgħar, Ko-operattivi, Biedja u Sajd, Edwin Vassallo kif ukoll il- Kandidata tal-PN Graziella Galea.

Id-deputat Edwin Vassallo ffoka d-diskor tiegħu fuq is-sitwazzjoni preżenti tal-pajjiż u tal-partit. Hu appella lil kulħadd biex jagħmel kuraġġ u biex inħarrsu ‘l quddiem u biex ħadd ma jaqta’ qalbu.

“Irridu naċċettaw l-iżbalji ta’ xulxin b’umiltà, aħna qegħdin fil-partit mhux biex nilħqu xi kariga imma għall-poplu. Irridu niddefendu mhux id-demokrazija fil-pajjiż biss imma anke fil-partit tagħna. Ma nistgħux naqtgħu qalbna.”, qal Edwin Vassallo

Edwin Vassallo qal li fil-preżent il-Partit Nazzjonalista għandu l-ikbar sfida quddiemu u hemm bżonn li jerġa’ jsir il-partit tan-nies, jersaq lejhom b’umiltà u b’sagrifiċċju fejn hemm bżonn.

Graziella Galea stqarret li meta kienet avviċinata biex titkellem fiċ-ċirkostanzi preżenti għażlet li tagħmel dan għax tħobb lill-PN.

“Min issa stess irridu naraw x’hemm bżonn biex verament ningħaqdu għax jekk il-Gvern jaħseb li jista’ jibqa’ għaddejj business għax usual, jien se ngħidlu le.”, qalet Graziella Galea waqt li fakkret kemm il-proġett wiegħed il-gvern Laburista li ma wettaqx fit-12-il distrett.

Graziella Galea qalet li l-poplu Malti jixraqlu rendikont veru ta’ dak li ġara u li qed jiġri f’pajjiżna. Hija appellat biex kulħadd jagħmel dak li hemm bżonn biex il-PN ikun gvern alternattiv.

Il-kandidata tal-PN qalet li lesta tkun ta’ għajnuna biex il-partit jibqa’ għadej kif suppost. “Hemm bżonn deċiżjoni li nimxu ‘l quddiem bħala partit għall-ġid ta’ pajjiżna.” temmet tgħid Graziella Galea.