Internazzjonali

Jinqatel suldat responsabbli minn massakru fit-Tajlandja

Suldat li fi tmiem il-ġimgħa żamm belt sħiħa f’morsa ta’ terror – fost il-qtil ta’ persuni innocenti – spiċċa maqtul huwa stess mill-qawwiet tas-sigurtà Tajlandiżi. Dan wara sitwazzjoni ta’ assedju li damet għal sigħat fil-belt ta’ Nakhon Ratchasima.

Il-massakru seħħ wara li s-suldat, li kien jismu Jakraphanth Thomma, qatel lill-uffiċjal superjuri tiegħu u seraq l-armi minn ġo kamp militari. Is-suldat, intant, kompla bl-aggressjoni fit-toroq ta’ Nakhon Ratchasima ( magħruf ukoll bħala Korat) u fejn anki baqa’ jispara għan-nies ġo ċentru kummerċjali kbir. Ir-riżultat kien massakru ta’ mill-naqas 26 persuna fi bnadi differenti tal-belt.

L-aggressur għadda numru ta’ messaġġi fuq il-media soċjali waqt li kien magħluq fiċ-ċentru kummerċjali. Dan qabel hu inqatel mill-qawwiet tas-sigurtà li fetħu n-nar fuqu biex ikkonkludew stat ta’ assedju li dam għal lejl sħiħ.

Il-ħsejjes tal-isparar kienu ilhom jidwu għal sigħat waqt li l-qawwiet Tajlandiżi kienu qed jippersistu b’rejd fuq dak iċ-ċentru, bit-tama li ‘jinnewtralizzaw’ lill-qattiel jew, almenu, iġiegħluh iċedi. Filwaqt li numru ta’ nies irnexxielhom joħorġu miċ-ċentru kummerċjali f’dik is-sitwazzjoni perikoluża kien hamm ukoll l-inkwiet li l-armat seta’ kien qed iżomm lin-nies bħala ostaġġi.

Intant, il-pulizija, sigħat ilu, ikkonfermaw il-qtil tal-aggressur, fejn ma ngħatawx dettalji dwar kif żvolġiet l-azzjoni ‘determinanti’ min-naħa tal-qawwiet tas-sigurtà.

Is-suldat anki ħalla lil talanqas 60 midruba fl-isparatura, bil-Prim Ministru Tajlandiż, Prayuth Chan-ocha, jgħid li massakru fuq din l-iskala ma għandu l-ebda precedent fl-istorja tat-Tajlandja. Hu enfasizza li se jsir minn kollox biex il-pajjiż jevita kriżi ta’ dan it-tip fil-futur.

L-iskop wara l-massakru jaħsbu li kien ‘l-istat tal-moħħ’ tas-suldat li kien jemmen li spiċċa l-vittma ta’ ‘qerq u frodi’ f’negozju dwar xi proprjetà.