Lokali

Mal-1,200 rapport lill-awtoritajiet kull sena dwar vjolenza domestika

Il-Gvern waqa’ lura sew f’dan is-settur tant sensittiv u delikat. Hu ċar li t-tibdil fil-liġijiet mhuwiex biżżejjed u l-Gvern irid mhux biss jgħaddi l-liġijiet imma jimplimentahom

L-awtoritajiet Maltin – il-Pulizija, l-Aġenzija Appoġġ u aġenziji oħrajn tal-Gvern – ikollhom medja ta’ tliet rapporti kuljum dwar vjolenza domestika għal ċirka ta’ 1,200 rapport fis-sena.

Minn stħarriġ li għamel Il-Mument jirriżulta li l-vjolenza domestika, sfortunatament, qiegħda tiżdied u ħafna drabi fiċ-ċentru bħala vittmi hemm in-nisa.

Jirriżulta li mis-sena 2000 ‘l hawn – jiġifieri f’dawn l-aħħar għoxrin sena – f’pajjiżna kellna 26 delitt ta’ persuni femminili li jirriżulta li kienu nqatlu mir-raġel, mis-sieħeb tagħhom jew minn xi membru ieħor tal-familja.

Anġlu Farrugia, l-Ispeaker tal-Parlament, jargumenta li: “is-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika f’Malta mhi xejn sabiħa, u l-bqija tal-Ewropa qiegħda fl-istess ilma.’’
“Hu importanti ħafna li jkomplu jittieħdu iktar miżuri li jipproteġu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika mill-aggressuri tagħhom billi, fost l-oħrajn, jissaħħu l-istrutturi t’għajnuna li joffri l-istat u titnieda kampanja nazzjonali t’għarfien mill-awtoritajiet.”

Anki l-Membru Parlamentari Nazzjonalista u d-Deputat Speaker Claudette Buttigieg tenfasizza li għandhom jiddaħħlu pieni iktar ħorox għall-aggressuri, filwaqt li tfakkar li fil-parti l-kbira tal-każijiet ta’ vjolenza domestika ma jkunx hemm biss nisa involuti, iżda jkun hemm tfal innoċenti li jsofru wkoll.

Hi targumenta li l-każijiet ta’ vjolenza domestika ma jurux is-saħħa tal-persuna, imma juru biss nuqqas ta’ mħabba.

Claudette Buttigieg, il-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin għan-nom tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (l-MNPN), fid-dawl tal-qtil vjolenti ta’ Chantelle Chetcuti, f’isem il-Partit Nazzjonalista, tikkundanna bla riżervi dan l-att kriminali u ttenni t-tħassib serju tagħha għall-fatt li l-vjolenza fuq in-nisa f’Malta qed tkompli tgħolli rasha.

“Il-Gvern waqa’ lura sew f’dan is-settur tant sensittiv u delikat. Hu ċar li t-tibdil fil-liġijiet, fosthom l-introduzzjoni f’pajjiżna tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mhuwiex biżżejjed. Il-Gvern irid jaċċerta lill-poplu li issa se jgħaddi mill-paroli għall-fatti u mhux biss jgħaddi l-liġijiet imma jimplimentahom.’’

“Irid ukoll jaċċerta lill-poplu li meta jgħaddu l-liġijiet, u esperti u membri tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’dan is-settur, juru t-tħassib tagħhom, dawn għandhom jingħataw widen minnufih.’’

“Il-Partit Nazzjonalista jibqa’  kommess li se jkompli jkun il-vuċi tal-vittmi u tal-familji tagħhom f’din il-ġlieda bl-għan aħħari li jara verament bidla għall-aħjar fis-soċjetà Maltija.”

Min-naħa tiegħu Edward Zammit Lewis, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, jemmen li mhux aċċettabbli li fl-2020 jibqa’ jkollna każijiet ta’ vjolenza domestika.

“Għaldaqstant mhemm ebda skuża u ebda ġustifikazzjoni għal dan. Il-vjolenza domestika teħtieġ li tibqa’ tkun miġġielda b’kull mezz possibbli. Il-liġijiet qegħdin hemm u l-konsegwenzi legali huma severi: issa jeħtieġ li jsir sforz akbar biex ikunu infurzati aħjar.”

Rosianne Cutajar, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, min-naħa tagħha tisħaq li filwaqt li għandhom jissaħħu l-liġijiet, iridu jitkissru mentalitajiet miżoġinisti li jċekknu lill-mara fis-soċjetà. Il-Gvern għandu jwettaq it-trasformazzjoni soċjali meħtieġa biex tkun eliminata din il-pjaga soċjali.

Fl-isfond tal-aħħar delitt li seħħ fil-jiem li għaddew ikkawżat minn vjolenza domestika li ħasad il-ħajja ta’ Chantelle Chetcuti li lbieraħ waranofsinhar ingħatat l-aħħar tislima fil-Knisja t’Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid,  il-Kummissjoni tal-Vjolenza Domestika u diversi NGO’s fil-jiem li għaddew iltaqgħu mal-Ministru tal-Ġustizzju Edward Zammit Lewis biex titqajjem kuxjenza dwar dan kollu.

Huma saħqu li ħafna nisa mhux qed iħossuhom protetti biżżejjed. Għalkemm in-nisa li jkun għaddejjin minn vjolenza domestika qed imorru jirrapportaw.. xorta qed jispiċċaw maqtula. Il-liġi li qed tintuża f’dan ir-rigward hija waħda patrijarka, għalhekk għandna nisa li qed jispiċċaw jitilfu t-tama fl-istituzzjonijiet wkoll.

Għalhekk hemm bżonn li ma jinħeliex iktar ħin f’diskussjonijiet iżda jittieħdu azzjonijiet immedjati f’dawn ir-rigward u dawn is-sitwazzjonijet jibdew jittieħdu iktar bis-serjetà biex jiġu evitati iktar imwiet.

Hemm bżonn li l-istudenti sa minn età żgħira jkunu edukati dwar dawn is-sitwazzjonijiet filwaqt li ssir iktar ħidma fil-Korp tal-Pulizija sabiex ikunu iktar preparati meta jkunu ffaċjati b’sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.

Finalment hu importanti li nisa bħal Chantelle Chetcuti, li qed isibu l-kuraġġ u jitkellmu fuq is-sitwazzjoni li jkunu għaddejjin minnha… ma jispiċċawx fl-istess stat li spiċċat fih din l-omm żagħżugħa.

Anki l-Fondazzjoni St Jeanne Antide qed tisħaq li l-problema tal-vjolenza domestika qed issir problema nazzjonali u din hi problema tal-politiċi wkoll li għandhom id-dmir jindirizzaw din il-problema u jipproteġu lin-nisa.

Il-Fondazzjoni qed tisħaq li hemm bżonn li l-Gvern jaħdem iktar biex il-vittmi li jitkellmu dwar dak li jkunu għaddejjin minnu, ma jispiċċawx kif spiċċat Chantelle Chetcuti. Il-Gvern għamel tibdil fil-liġi li kompla joħloq iktar barrieri għal dawk li jingħataw protezzjoni temporanja.

Dan qed ipoġġi lill-vittmi f’riskju akbar għax qed jintbagħat messaġġ li l-ħajja tagħhom mhix importanti biżżejjed biex tkun protetta. Ħafna oħrajn ma jħossux li l-istat se jipproteġihom ladarba jibdew proċeduri fil-Qorti.

Il-Fondazzjoni St. Jeanne Antide hi rrabjata wkoll għall-Gvern li mhux qed ikun responsabbli biżżejjed biex jiżgura li dawn in-nisa jkollhom il-protezzjoni meħtieġa.

Il-Fondazzjoni tisħaq li din il-kwistjoni għandha tkun trattata mill-iktar fis, fejn il-Gvern għandu josserva l-obligazzjonijiet tiegħu definiti fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex ikun żgurat li t-tfal u n-nisa jkunu protetti mill-vjolenza domestika.