Edukazzjoni Lokali

Nuqqas ta’ faċilitajiet fil-qasam edukattiv

Il-President tal-MUT Marco Bonnici jappella għal awditjar tal-faċilitajiet tal-iskejjel kollha sabiex toħroġ l-istampa ċara tal-ħtiġijiet

It-tagħlim jintrabat ma’ ħafna aspetti, u ma hemmx dubju li jekk l-ambjent fejn isir it-tagħlim mhuwiex adegwat, it-tagħlim se jkun effettwat b’mod negattiv. Nisimgħu ħafna dwar bini ta’ skejjel ġodda u mmodernizzar ta’ faċilitajiet eżistenti, iżda ħarsa mill-qrib lejn l-infrastruttura tal-iskejjel u l-faċilitajiet eżistenti tagħti stampa kemxejn differenti minn dak li nisimgħu ta’ spiss. Se nagħti ħarsa lejn il-faċilitajiet fil-qasam edukattiv.

Privat u pubbliku

Teżisti l-impressjoni li l-faċilitajiet fl-iskejjel li mhumiex tal-istat, li jinkludu l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti, huma aħjar minn dawk tal-istat. Il-kuntatt li għandna mal-iskejjel jindika li dan mhuwiex neċessarjament il-każ. Li wieħed jinnota hu li hemm tendenza li ż-żamma tal-binjiet fl-iskejjel li mhumiex tal-istat hi mmaniġġjata b’mod aħjar minn dawk tal-istat. Dan hu dovut għal sistemi fl-iskejjel tal-istat li għadhom wisq ċentralizzati. Għalkemm saret deċentralizzazzjoni mid-dipartiment għall-kulleġġi, persuna waħda f’kull kulleġġ ma tistax tlaħħaq mal-ħtiġijiet kontinwi tal-iskejjel kollha fil-kulleġġ. Għaldaqstant jeħtieġ li nerġgħu naraw li l-uffiċċjali inkarigati mill-maintenance tal-iskejjel ikunu preżenti fl-iskejjel rispettivi u mhux fil-kulleġġi.

State of the art

Kellna kampanja sħiħa dwar laboratorji state of the art li saru fl-aħħar sentejn. Dan hu tajjeb, iżda filwaqt li sar investiment enormi f’dawn il-kmamar, f’ħafna skejjel kif toħroġ minn ġol-workshop jew laboratorji ssib ambjent li jikkontrasta ħafna u li żgur ma jissejjaħx state of the art. Bħalma sid ta’ dar ikun qed jidħak bih innifsu jekk ibajjad u jattrezza kamra waħda biss mid-dar għar-ritratt, u jħalli l-kumplament tal-kmamar jibku għal tibjida, hekk ukoll ġara f’numru ta’ skejjel b’dawn il-faċilitajiet. Dan filwaqt li l-prijoritajiet ma nagħtux kashom. Eżempju hu ta’ skola li nbniet f’dawn l-aħħar snin u li diġà għandha problema kbira minħabba li s-sistema tad-drain mhix tajba, la għal dar aħseb u ara għal skola fejn hemm mijiet ta’ studenti u edukaturi. Iżda ma jimpurtax għall-awtoritajiet, għax l-aqwa li l-laboratorju huwa state of the art, imbagħad naraw!

Ħdura

Tieħu pjaċir iżżur skejjel li ma nbnewx fl-aħħar għoxrin sena u ssib irqajja’ ta’ ħamrija, siġar u arbuxelli. Filwaqt li jsebbħu l-ambjent tal-iskola, dawn joffru wkoll opportunità ta’ tagħlim għall-istudenti. Iżda fil-perjodu fejn il-konkos huwa iżjed komdu, irħas u ma jeħtieġx manutenzjoni, dawn l-irqajja’ ta’ ħamrija fl-iskejjel il-ġodda m’għadekx issibhom. Dan huwa nuqqas kbir, u huwa riflessjoni tal-mewġa li ħakmet lil pajjiżna bil-qerda ta’ siġar u t-tneħħija tal-ħamrija minn kullimkien.

Xogħol li jsir tard jew bil-għaġla

Rajna sitwazzjonijiet fejn ix-xogħol ta’ manutenzjoni, jew bini ta’ faċilitajiet, sar tard matul is-sajf u għaldaqstant bil-għaġla. Eżempji li kellna riċentement huma kmamar, li suppost iservu bħala klassijiet, li fl-ewwel xhur tas-sena skolastika kienu vojta minn kollox. Hawn l-istudenti u l-edukaturi kellhom iġorru l-imwejjed u s-siġġijiet minn kmamar oħra sabiex isiru l-lezzjonijiet. Dan hu nuqqas ta’ rispett lejn l-istess edukaturi u lejn l-istudenti. Kieku ma tkunx il-ħidma tal-edukaturi fl-iskejjel, li jippruvaw joħolqu ambjent edukattiv f’dawn in-nuqqasijiet, kieku ħafna faċilitajiet lanqas biss ikunu jistgħu jintużaw. U tajjeb li ngħidu li ħafna minn dan ix-xogħol isir fis-sajf u wara l-ħinijiet tal-iskejjel.

Ħtiġijiet differenti

Kull skola għandha ħtiġijiet differenti, u għalhekk il-baġit assenjat lil kull skola ma jistax ikun abbinat biss man-numru ta’ studenti. Dan huwa fattur li ilu jissemma snin iżda li s’issa għadna naraw skejjel li jiġu litteralment abbandunati għal riħhom mill-awtoritajiet edukattivi. Huwa ta’ dispjaċir li tara li investiment li sar f’dawn l-aħħar snin fil-bini ta’ skejjel ma jibqax ikun sostnut wara li l-binja tinfetaħ. Tara skejjel li konna nsejħulhom ġodda, li taħseb li għaddew snin minn fuqhom, meta fil-fatt il-kawża tkun in-nuqqas ta’ manutenzjoni fil-proġett. B’kuntrast tara binjiet aktar antiki, li għalkemm il-perjodu meta nbnew ikun evidenti, id-dehra tal-binja hi ħafna aħjar minn skejjel aktar riċenti.

Faċilitajiet

Huwa fatt magħruf li f’pajjiżna għandna tendenza li nibdew il-proġetti iżda ma ntemmuhom qatt. Ħarsa madwar l-iskejjel, kemm dawk li nbnew riċentement u oħrajn li nbnew qabel, wieħed jinnota li kull skola ssibilha xi ħaġa nieqsa. Tmur fi skola u jgħidulek li m’għandhomx sala. Tmur f’oħra u jgħidulek li m’għandhomx faċilitajiet sportivi. Tmur f’oħra u jgħidulek li ma jistgħux jużaw il-ground għax qatt ma tlesta. Dan filwaqt li f’ħafna minn dawn l-iskejjel, il-pjanijiet għal dawn il-faċilitajiet ikunu saru iżda l-proġett ikun waqaf nofs leħja. Dan biex ma nsemmux faċilitajiet bażiċi, bħal pereżempju nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji fejn f’każ partikolari, it-toilets għall-istudenti huma użati wkoll mill-istaff. Ma ninsewx ukoll is-sħana u l-bard esaġerat li jkun hemm fis-sajf u fix-xitwa f’ħafna skejjel, fejn dwar dan probabbilment ikollna bżonn artiklu sħiħ ieħor. F’dawn l-aħħar jiem kellna wkoll is-sitwazzjoni gravi fl-iskejjel primarji ta’ Raħal Ġdid, li nisperaw li s-soluzzjoni ma tkunx waħda temporanja biss imma li ssir il-manutenzjoni neċessarja kollha li hemm bżonn.

Awditjar

L-awditjar fil-qasam edukattiv huwa proċess li ilu jsir taħt diversi forom u titli. Jeħtieġ, iżda, li minflok aktar sikkaturi u awditjar bla bżonn fuq edukaturi, jibda jsir awditjar tal-faċilitajiet tal-iskejjel kollha sabiex toħroġ l-istampa ċara tal-ħtiġijiet. Biha l-awtoritajiet isiru jafu x’hemm bżonn f’kull skola u joħolqu skeda ta’ xogħlijiet li tirrifletti dan. Dan jista’ jsir fuq l-istess mudell bħal meta l-Ministeru kkummissjona awditjar tas-sigurtà fl-iskejjel. Għalkemm ir-riżultat aħħari ta’ dan il-proċess għadu mhuwiex magħruf, il-mudell adottat huwa wieħed tajjeb. L-MUT lesta li tikkopera mal-awtoritajiet f’tali eżerċizzju u f’kull diskussjoni li twassal għal titjib tal-ambjent tal-iskola. Dan ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd, għall-edukaturi u għat-tagħlim tal-istudenti.

Ikkummenta