Internazzjonali

Stati Uniti: Il-films ‘Joker’, ‘The Irishman’ u ‘1917’ fost il-favoriti għall-Oscar

Is-Serata tal-Oscars (Academy Awards) li se ssir f’Los Angeles ma sbieħ it-Tnejn qed tippremja lill-films u l-protagonisti ta’ warajhom li ddistingwew ruħhom l-aktar fl-industrija taċ-ċinema għal dawn l-aħħar 12-il xahar.

Il-film ‘Joker’ jinsab fuq quddiem bi 11-il nominazzjoni għall-Oscar, segwit mill-films ‘The Irishman’; ‘1917’. u ‘Once Upon a Time in Hollywood’ b’għaxar nominazzjonijiet kull wieħed.

Sadanittant, l-atturi Brad Pitt, Renee Zellweger, Joaquin Phoenix u Laura Dern huma l-protagonisti tal-films ewlenin li qed jissemmew għall-aqwa unuri (Oscars) li jirrikonoxxu l-professjoni tagħhom.

L-aħħar indikazzjonijiet huma li  ‘1917’, il-film epiku ta’ Sam Mendes dwar l-Ewwel Gwerra Dinjija u ‘Parasite’, il-produzzjoni mill-Korea t’Isfel, kienu qed jissieltu għall-unur ta’ Best Picture.

Intant, Joaquin Phoenix qed jidher favorit assolut għall-Oscar li jingħata lill-Aqwa Attur għall-interpretazzjoni fenomenali tiegħu f’’Joker’. Jekk jirbaħ Phoenix, dan għandu jkun l-ewwel Oscar għall-attur Amerikan ta’ 45 sena wara tliet tentattivi falluti għall-films ‘The Master’, ‘Gladiator’ u ‘Walk the Line’.

Fl-istess ħin, il-favorita għall-Oscar għall-Aqwa Attriċi hi Renee Zellweger li ‘tat il-ħajja mill-ġdid’ lill-mibkija kantanta u attriċi Judy Garland fil-film ‘Judy’.

Sadanittant, Sam Mendes (‘1917’) qed jidher bħala sfidant ewlieni għall-Oscar fil-kategorija tal-Aqwa Direttur, bi Brad Pitt qed jissemma bħala favorit għal Best Supporting Actor għar-rwol tiegħu fil-film ‘Once Upon a Time in Hollywood’ ta’ Quentin Tarantino.