Lokali

Statistika turi li hemm bżonn iktar kuxjenza dwar l-epilessja

Kont taf li f’pajjiżna hawn 4,000 persuna li jbatu mill-kundizzjoni tal-epilessija? U li għad hawn 30 fil-mija ta’ każi li għadhom mhux ikkontrollati?

Dawn il-fatti hargu waqt konferenza tal-aħbarijiet minn Caritas Malta Epilepsy Association ftit jiem biss qabel id-dinja kollha tfakkar lil min ibati minn din il-kundizzjoni. Fil-fatt, il-Jum Dinji Kontra l-Epilessija jitfakkar nhar it-Tnejn li ġej, l-10 ta’ Frar;

Għalkemm l-epilessija tista’ tkun ikkontrollata bil-mediċina, għad fadal ħafna li għandhom bżonn l-għajnuna, iżda jibżgħu qabel ma imqar jibdew jegħlbuha. Fil-fatt, il-Caritas hi konxja wkoll li hemm min jaħbi l-kundizzjoni saħansitra minn dawk l-aktar qrib tagħhom.

Dan iwassal għall-ħtieġa dejjem akbar ta’ aktar kuxjenza biex tingħeleb darba għal dejjem l-istigma. Fil-fatt, isir taħriġ volontarju lil nies biex ikunu jafu aktar dwar l-epilessija … fosthom lil Pulizija, care workers, staff tal-Inspire u d-Dar tal-Providenza u għalliema, fost l-oħrajn.

Għal dan l-għan ukoll, fl-14 ta’ Marzu se tkun qed tittella’ konferenza f’lukanda f’Buġibba bit-tema “Epilessija: X’hemm ġdid?” Għal din l-10 konferenza f’20 sena, organizzata mill-Caritas Malta Epilepsy Association, ġew mistiedna għadd ta’ professjonisti u mediċi lokali u barranin, fejn se jkun ipprovdut ukoll servizz ta’ interpretu għal dawk li jkollhom bżonn.

Il-konferenza, li se tinfetaħ ukoll mill-President ta’ Malta George Vella, se jkollha wkoll għadd ta’ workshops interattivi.

Il-Caritas Malta Epilepsy Association ilha mwaqqfa mill-1996 u hi affiljata mal-International Bureau Epiepsy. Tagħmel ħidma siewja ta’ wens u fejqan lill-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni, iżda wkoll lil qraba tagħhom.

Għax hi l-idea ta’ din l-Assoċjazzjoni li meta ssib min jifhmek, il-piż tas-salib ikun eħfef milli kieku tkun waħdek. Il-kelliema appellaw lil min għandu bżonn l-għajnuna biex jagħmel kuraġġ u jfittixha … moħħu mistrieħ li hemm professjonisti kapaċi jgħinu.