Lokali

Vitals b’dejn ta’ 36 miljun ewro

Il-Kumpanija Vitals Global Healthcare, li kienet ħadet kuntratt biex tmexxi tliet sptarijiet tal-Gvern, tellgħet djun ta’ €36 miljun mingħajr ebda riżultat tanġibbli.

Din l-aħbar kienet żvelata mill-gazzetta Maltatoday, ftit jiem qabel l-accounts annwali ikunu sottomessi fir-reġistru tal-kumpaniji.

L-aħbar ħarġet hekk kif il-Gvern qed jiffaċċja pressjoni min-naħa ta’ Steward, li ħadu l-konċessjoni mingħand VGH, biex jinnegozjaw il-kuntratt mill-ġdid.

Fil-fatt, ix-xahar li għadda, uffiċjali ta’ Steward Healthcare kellhom laqgħa mal-PM Roberta Abela f’Kastilja. Iżda l-preżenza tal-eks PM Joseph Muscat f’din il-laqgħa qajjmet ħafna tħassib u mistoqsijiet.

Il-gazzetta tikkwota sorsi qrib il-Gvern jgħidu li m’għandhomx idea fejn intefqu s-36 miljun ewro f’dejn li għandha VGH.

Steward qed jitolbu diversi konċessjonijiet fosthom:

8 miljun ewro addizzjonali biex ikopru pagi ta’ persuni li ġabu minbarra l-ħaddiema governattivi u li huma mħallsa ferm iktar mill-iskali tas-servizz pubbliku.

Barraminhekk, il-kumpanija Amerikana għadha ma ffirmatx kuntratt biex tonora l-obbligi ta’ Steward hawn Malta. Din qed tipproponi li tgħaddi l-konċessjoni lil Medical Properties Trust, azzjonist ta’ Steward Healthcare ibbażat f’Boston u jikri lura l-konċessjoni li Steward f’Malta.

Minbarra l-konċessjoni ta’ 70 miljun, Steward iridu żieda ta’ madwar 9%, li tammonta għal 6.3 miljun ewro.

Dan kollu jindika li anki Steward jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji.