Lokali

410 sena mill-bini tat-Torri Wignacourt

Filmat: Steve Psaila; Muntaġġ: Samira Cachia Spiteri

410 snin wara li nbena t-Torri Wignacourt saret preżentazzjoni preċiża ta’ dak li kien sar fil-ġurnata mis-suldati tal-Kavallieri.

Din saret biswit it-torri fejn tqiegħdet l-ewwel ġebla tat-Torri fl-1610 mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt, liema proġett kien sar minn butu stess.

L-ewwel ġebla li kienet tqiegħdet biex jinbena t-torri kienet ġebla li nqalgħet mill-altar tal-kappella antika li kienet tinsab fis-sit tat-torri stess. Eventwalment, il-kappella twaqqgħat u nbniet ftit passi bogħod mit-torri.

Il-preżentazzjoni ttellgħet minn ‘Show of Arms’ fejn diversi personaġġi ta’ żmien il-Kavallieri reġgħu taw ħajja lill-istorja.

Kollox beda minn quddiesa li saret fil-kappella l-ġdida, fejn minn hemm personaġġ liebes tal-Gran Mastru mar jara l-pjanta tat-Torri flimkien mal-Perit Vittorio Cassar biex jikkonferma li x-xogħol jista’ jibda. Fl-aħħar tpoġġiet l-ewwel ġebla tat-Torri għall-okkażjoni.

Kien interessanti li wieħed jinnota li l-personaġġi kollha użaw il-lingwa ta’ dak iż-żmien, is-suldati Maltin tkelmu b’Malti antik filwaqt li l-Gran Mastru tkellem bit-Taljan.

It-torri Wignacourt kien id-difiża ewlieni għat-Tramuntana ta’ pajjiżna sakemm inbena t-Torri l-Aħmar fil-Mellieħa. Eventwalment it-Torri Wignacourt ingħadda għand ‘Din l-Art Ħelwa’ u ġie restawrat mill-perit Ray Vassallo fl-1976 u għal darb’oħra fl-2015.

Fl-aħħar, il-Kavallieri mxew lejn it-torri fejn ġie sparat kanun li jinsab fuq it-Torri.