Rapport: Rowen Camilleri
SIRENS…………… 1
ĦAMRUN S…….. 2
Sirens: D. Cassar, R. Grech, W. Oliveira, R. D. Anjos, E. Okoye, R. Faria, A. Borg, I. Adeshina, F. Cheveresan, R. Romao (E. Herrera 74’), T. Espindola
Ħamrun: M. Bartolo, C. Borg (A. Capitelli 51’), J. Soares, C. Failla, N. Leone, D. Borg, K. Micallef, C. Flores (A. Scicluna 53)’, V. Alinho, M. Cinquini, P. Branicki (M.Gauci 72’)
Imwissija: R. Faria 24’ E. Okoye 59’ (S) J. Soares 90’, C. Failla 90’ (Ħ)
Skorjaw: W. De Oliveira 10’ (S), C. Failla 32’, N. Leone 86’ (Ħ)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Wellington de Oliveira (Sirens)
BOV Plejer tal-logħba: Wellington de Oliveira (Sirens)
Attendenza: 413
Fl-aħħar partita mis-sbatax-il ġurnata tal-Kampjonat Premier Ħamrun Spartans irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Sirens 2-1 hekk kif irnexxielhom idawru r-riżultat favur tagħhom wara li kienu gowl minn taħt wara biss 10 minuti. Din kienet l-ewwel rebħa tal-Ispartans sa minn Ottubru meta dakinhar kienu rebħu lil Hibernians. B’din ir-rebħa, Ħamrun jieħdu ftit tan-nifs u telgħu fis-seba’ post bi 22 punt, daqs Mosta u Balzan.
Dan kien debutt għall-kowċ Andrea Ciaramella fit-tmexxija tal-Ispartans wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-eks kowċ ta’ Puteolana ħa post Manuele Blasi. Għal Ħamrun idebuttaw ukoll il-midfielder Carlos Flores kif ukoll l-attakkant Pollakk Piotr Branicki.
L-ewwel azzjoni tal-partita waslet fis-seba’ minuta meta Connor Borg prova xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li għadda għoli. Sirens fetħu l-iskor fl-10 minuta meta Okoye tefa’ kross preċiż fid-direzzjoni ta’ WELLINGTON DE OLIVEIRA li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Bartolo. Ħamrun Spartans ġabu l-gowl tad-draw fit-32 minuta minn free-kick dirett mil-lemin ta’ CLAYTON FAILLA li tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, bil-gowlkiper David Cassar megħlub għal kollox.
Fis-37 minuta Sirens marru viċin li jmorru fil-vantġġ meta Okoye qata’ d-difiża ta’ Ħamrun b’pass tajjeb lejn Cheveresan, iżda dan tal-aħħar ra l-konklużjoni tiegħu tiġi milqugħa bi bravura minn Bartolo li dawwar f’korner. Fit-tieni taqsima Sirens ħarġu mill-ewwel ifittxu l-gowl u fil-51 minuta minn kross ta’ Espindola, Flavio Cheveresan bir-ras tefa’ barra. Fis-66 minuta Okoye prova bix-xutt tiegħu ikun wieħed ċentrali u faċli għal Bartolo.
Ħamrun Spartans ħasdu lil Sirens fis-86 minuta meta wara li d-difiża biegħdet il-periklu, il-ballun ġie f’saqajn NICOLA LEONE li b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa tefa’ fix-xibka wara li l-ballun ħabat mal-wieqfa. Sirens pruvaw jerġghu jgibu d-draw u fit-88 minuta Manuel Bartolo dawwar tajjeb f’korner ix-xutt ta’ Adeshina. Mill-azzjoni tal-korner Raphael Dos Anjos laqat il-wieqfa.
//= $special ?>