Futbol Sport

Di Biagio jinħatar is-suċċessur ta’ Semplici ma’ Spal

(Ritratt: Spal)

Il-kowċ Taljan Luigi di Biagio nħatar bħala kowċ ġdid ta’ Spal bl-għan prinċipali hu li jgħin lit-tim biex iżomm postu fis-Serie A. L-eks kowċ tat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena ffirma kuntratt sa Ġunju li ġej.

Għal di Biagio din hi l-ewwel esperjenza tiegħu fi tmexxija ta’ klabb wara li fl-2011 kien inħatar kowċ tat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt l-20 sena u sentejn wara ġie promoss għat-tim ta’ taħt il-21 sena, kariga li dam jokkupa sal-2018. Għal żewġ logħbiet b’mod temporanju hu anki mexxa lit-tim nazzjonali Taljan.

Leonardo Semplici tneħħa mill-kariga wara li l-Ħadd Spal sofrew it-tielet telfa konsekuttiva kontra Sassuolo. Hu kien inħatar kowċ ta’ Spal f’Diċembru tal-2014 u fl-2016 mexxa lit-tim għall-promozzjoni fis-Serie B.

Fl-istaġun ta’ wara hu kien strumentali biex Spal kisbu l-promozzjoni għas-Serie A wara 49 sena. Fl-aħħar żewġ staġuni Semplici wassal lit-tim biex f’żewġ staġuni konsekuttivi t-tim salva postu fl-ogħla diviżjoni. F’dan l-istaġun, Spal jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika bi 15-il punt wara 23 logħba.

Tags