Futbol Sport

Greco jitneħħa minn kowċ ta’ Sliema Wanderers

(Ritratt: Trevor Sollars)

It-tielet esperjenza ta’ Alfonso Greco bħala kowċ ta’ Sliema Wanderers damet biss ftit aktar minn nofs staġun, hekk kif il-klabb ħabbar dan fuq il-paġna uffiċjali tal-klabb fuq facebook. Hu tneħħa mill-kariga wara laqgħa li kellu mal-President Keith Perry. Greco kien irritorna ma’ Sliema fil-bidu ta’ Lulju li għadda, bl-assistenza ta’ Ivan Woods. L-eks plejer u captain tal-istess klabb Noel Turner, hu mistenni li jinħatar fit-tmexxija tal-klabb.

Is-Slimiżi ġejjin minn telfa s-Sibt li għadda kontra Gudja United u fil-preżent jinsabu fit-12-il post bi 17-il punt minn 16-il logħba, punt fuq iż-żona tar-relegazzjoni. Greco sar is-sitt kowċ mill-Kampjonat Premier li tilef postu dan l-istaġun wara John Buttigieg, Marko Glumac, Mario Muscat, Giovanni Tedesco u Manuele Blasi.

Il-kowċ ta’ 50 sena kien mexxa lil Sliema bejn l-2012 u l-2014 u wara esperjenza ma’ Żebbuġ Rangers ukoll fil-Kampjonat Premier, Greco kien irritorna għat-tieni esperjenza ma’ Sliema sentejn wara. Minn dak iż-żmien, Greco mexxa lil Ostiamare Calcio rnexxielu jikseb punti rekord għall-klabb fis-Serie D u kwalifika bil-play-off. Fl-istaġun li għadda, u kiseb is-salvazzjoni wara play-out.