Internazzjonali

Il-Coronavirus: 97 mewta f’24 siegħa fiċ-Ċina – iżda n-numru tal-infezzjonijiet jidhru qed jistabbilizzaw

L-ammont ta’ persuni li mietu mill-effetti tal-coronavirus żdied b’97 oħra f’perjodu ta’ 24 siegħa  u li kien ogħla ammont ta’ vittmi tal-infezzjoni għal ġurnata waħda. Iżda għalkemm it-total tal-imwiet fiċ-Ċina hu stabbilit mad-908, qed jidher li stabilizza n-numru ta’ persuni li qed jispiċċaw infettati kuljum mill-virus f’dan il-pajjiż.

S’issa hemm 40,171 infettati madwar iċ-Ċina, b’187, 518 qed jinżammu taħt oservazzjoni medika. Il-President Ċiniż. Xi Jinping, intant, deher fil-pubbliku liebes maskla tal-wiċċ u fejn il-paramediċi ħadulu t-temperatura waqt li hu kien qed jispezzjona il-programmi tal-miżuri għall-kontroll tal-virus f’Beijing.

Fi żviluppi oħra, mas-60 persuni oħra testjaw pożittiv għall-virus fuq vapur tal-cruises ‘Diamond Princess’ li qed jinżamm taħt kwarantina fil-Ġappun — b’dan ifisser li 130 minn fost it-3,700 abbord spiċċaw infettati bil-virus. Il-persuni infettati, intant, qed jitwasslu mill-vapur (ankrat ’il barra minn Yokohama) lejn fl-isptarijiet taz-zona.

Skont id-data provduta miċ-Ċina, fiequ ‘il fuq minn 3,200 pazjent li urew is-sintomi tal-virus, b’dawn jitħallew joħorġu mill-isptar wara perjodu ta’ trattament intensiv.

Intant, miljuni ta’ nies irritornaw għax-xogħol wara l-btajjel tas-Sena Ġdida Lunari (taċ-Ċiniżi) li hi ċelebrata mill-Asjatiċi kollha. Il-btajjel, din is-sena, kienu estiżi mill-31 ta’ Jannar bil-għan li l-movimenti tan-nies ma jassumux l-iskala intensiva tas-snin precedenti u li setgħu jixprunaw aktar dan il-virus.

Fl-istess ħin qegħdin jitħarsu l-miżuri ta’ prekawzjoni li jinvolvu l-ħinijiet tax-xogħol u ħinijiet ta’ ftuħ ‘selettivi’ għall-postijiet tax-xogħol fiċ-Ċina.

Sadanittant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li filwaqt li stabbilizza n-numru tal-każi ġodda tal-coronavirus fiċ-Ċina għadu kmieni wisq biex wieħed jiddikjara li ‘ilħaqna r-rata massima tal-infezzjonijiet’.

Dan meta l-WHO bagħtet missjoni internazzjonali biex tgħin tikkoordina reazzjoni għall-epidemija li, fi tmiem il-ġimgħa,  qabżet – f’terminu ta’ imwiet – lill-epidemja tas-SARS li kienet feġġet fl-2003 fiċ-Ċina u li kienet swiet il-ħajja ta’ 774 madwar id-dinja.

Il-coronavirus ġdid infirex lejn tal-anqas 27 pajjiż u territorji oħra iżda s’issa mietu bih biss żewġ persuni barra ċ-Ċina – bil-każi rispettivi jseħħu f’Hong Kong u l-Filippini.

Madankollu, id-Direttur-Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, wissa li t-trasmissjoni tal-virus minn persuni li ma marrux fiċ-Ċina kapaċi tintroduċi element ġdid inkwetanti f’din il-kriżi tas-saħħa.

Dan waqt li hu irrefera għal każi fejn il-virus infirex xorta f’każi fejn in-nies involuti lanqas biss ma kienu resqu lejn dak il-pajjiż (iċ-Ċina) – b’sitwazzjoni bħal din kapaċi tindika rata ta’ trasmissjoni aktar wiesgħa f’pajjiżi oħrajn.