Internazzjonali

Il-maltemp imlaqqam ‘Ciara’ iħalli mewt u ħerba madwar l-Ewropa

Il-pajjiżi lejn il-Punent u t-Tramuntana tal-Ewropa fl-aħħar jiem kienu assedjati minn waħda mill-agħar maltempati – imlaqqma ‘Ciara’ – fi żmenijiet moderni. L-elementi fl-aħħar sigħat avvanzaw miz-zoni tal-Ewropa fejn irriżultaw l-imwiet madwar il-kontinent u bl-awtoritajiet ma jeskludux li ‘l-agħar (tal-maltemp) jista’ għadu ġej’.

L-irwiefen qawwija fost il-ħalbiet tax-xita ‘interminabbli’ qegħdin joħolqu inkonvenjent kbir għan-nies fost il-ħsarat kbar fl-infrastruttura madwar il-pajjiżi. Fl-istess ħin tħarbtu l-programmi tat-titjiriet fl-ajruporti tal-Ewropa bit-traffiku mal-art jikkonfronta numru ta’ problemi relatati mal-maltemp konsistenti.

Il-maltempata hi magħrufa bħala ‘Sabine’ fil-Ġermanja u l-Iżvizzera u ‘Elsa’ fin-Norveġja. Dan waqt li baqgħu għaddejjin it-twissijiet madwar l-Ewropa biex in-nies jibqgħu attenti mill-elementi ħorox u, kemm jista’ jkun, jevitaw l-ivvjaġġar fit-tul.

Wieħed biss mill-effetti tal-maltemp kienu s-siġar li tqaċċtu mill-għeruq u spiċċaw fuq numru sostanzjali ta’ djar u karozzi, fost sensiela ta’ allerts dwar dan il-periklu f’pajjiżi bħall-Iżvizzera, il-Belġju, l-Olanda, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.

Ma naqsux l-imwiet konnessi direttament mal-maltemp madwar l-Ewropa. Tliet sewwieqa ta’ karozzi – bil-każi rispettivi jseħħu fir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja u l-Ingilterra – mietu meta l-vetturi tagħhom intlaqtu mis-siġar li ċedew għal fuqhom.

Fil-Polonja, mietu żewġ persuni oħra wara li l-maltemp litteralment qaċċat is-saqaf ta’ bini fir-resort ta’ Bukowina Tatrzanska, qalb il-muntanji, b’dan is-saqaf jolqot grupp ta’ nies li kienu bilwieqfa qrib ski lift. Fl-inċident weġġgħu anki numru ta’ persuni.

Fl-Iżvezja, raġel għereq wara li d-dgħajsa tiegħu nqalbet fil-maltemp fix-Xmara ta’ Fegen. Intant, l-awtoritajiet qed ifittxu persuna oħra li kienet miegħu f’din id-dgħajsa.

L-awtoritajiet fir-Renju Unit bħalissa qed jevalwaw il-ħsarat minn ‘Ciara’ fost spinta tal-maltemp (storm surges) mal-ibliet tal-kosta. Iżda waqt li l-awtoritajiet meteoroloġiċi jemmnu li r-Renju Unit ra l-agħar tal-maltemp, il-Ġermanja u bnadi oħra tal-Ewropa qed jistennew ‘il-veru impatt’ tal-elementi bil-potenzjal li jintensifikaw.

Sensiela ta’ rwiefen b’veloċità ta’ 170 kilometru fis-siegħa kienu rappurtati diġà fl-inħawi tal-Black Forest lejn in-nofsinar tal-Ġermanja — bil-kumpanniji tad-dawl jippruvaw jirristawraw is-servizz għal xi 50,000 djar fir-reġjun tal-Bavarja. Intant, tħassru l-mijiet ta’ titjiriet u servizzi bil-ferrovija f’dan il-pajjiż sakemm setgħu jkunu konfermati kundizzjonijiet tat-temp aktar favorevoli.

Pajjiżi oħrajn fl-Ewropa wkoll qed jistennew biex il-periklu tal-maltemp ibatti u li r-rutina tal-ħajja tirritorna għan-normal fi bnadi sħaħ tal-kontinent.