Lokali

Il-Ministru Ian Borg jieħu l-poter minn taħt idejn is-Sindku ta’ Ħad-Dingli

Il-pika bejn is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri, magħruf bħala kanvasser ta’ Silvio Schembri, u l-Viċi Sindku Sandro Azzopardi (ritratt), li jaħdem ma’ Ian Bog, issa laħqet livell ġdid.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem Ian Borg ħa deċiżjoni li jkompli jnaqqas is-saħħa tas-Sindku. Issa saħansitra ħadlu minn taħt idejh diversi proġetti ta’ toroq fil-lokalità.

Il-Ministru Ian Borg saħansitra bagħat ittra lir-residenti kollha b’botta lill-Kunsill Lokali fejn jgħid li għall-aħħar xhur ħalla f’idejn il-Kunsill Lokali u l-entitajiet rispettivi sabiex jaslu jaħdmu flimkien fir-raħal.

Din il-mossa xejn ma niżlet tajjeb man-nies tas-Sindku, li fil-midja soċjali bdew ixerrdu messaġġi fejn ifakkru lir-residenti li sa mill-elezzjoni li għaddiet il-Ministeru ta’ Ian Borg naqqas drastikament il-ħaddiema tal-Gvern li kienu qed jaħdmu f’din il-lokalità.

Filfatt, minn wara l-elezzjoni, il-ħaddiema tal-Gvern f’Ħad-Dingli għadhom jidhru biss jassistu fi proġetti tal-Knisja, fil-proġett quddiem il-grawnd tal-futbol u fil-proġett tal-bini tal-Iscouts li għalih Ian Borg poġġa lil Sandro Azzopardi bħala supervisor.