‘Malta qatlet l-opportunità li kellha biex ikollha industrija b’saħħitha tal-igaming’.
Dan kien wieħed mill-messaġġi prinċipali li sit speċjalizzat fuq l-aħbarijiet ta’ ekonomiji bbażati fuq it-teknoloġija, għadda dwar Malta.
L-artiklu minn AYO News, jispjega kif Malta fl-aħħar snin gawdiet reputazzjoni pożittiva fl-industrija tal-igaming b’bosta kumpaniji jiddeċiedu li jinvestu u jibnu bażi ġewwa pajjiżna, u sussugwentament ikabbru din l-industrija li tiġġenera flejjes kbar.
L-artiklu jgħid ukoll però illi fi ftit żmien il-Maltin inħakmu minn regħba għall-flus liema bħalha li gerrxet l’hemm mhux biss lil investaturi prospettivi, iżda anke lil dawk li diġa’ investew f’Malta.
L-ikbar fost il-problemi li jagħtu fl-għajn huma; il-kirja li dejjem togħla u r-ristoranti u l-bars li jbiegħhu bil-għoli. U apparti minn hekk, l-artiklu jgħid ukoll li l-kwalità tal-ħajja qiegħda tonqos minħabba problemi kbar ta’ traffiku, l-agħar tniġġis ta’ storbju fl-Ewropa, trasport pubbliku diżastruż, toroq maħmuġin u infrastruttura li ma ssostnix il-pajjiż kif suppost.
L-ispeċjalisti ta’ din l-industrija, fil-biċċa l-kbira jiġu minn pajjiżi min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, fost oħrajn mill-pajjiżi tal-Iskandinavja, il-Ġermanja, u l-Ingilterra. L-artiklu jistaqsi l-mistoqsija retorika li ġġib kundanna kerha, għalfejn dawn l-ispeċjalisti ser jiġu Malta, biex jitħallsu inqas, u jħallsu iżjed biex jgħix?
L-artiklu jwissi li minħabba dawn ir-raġunijiet, Malta se jkollha problema kbira biex issostni din l-industrija għaliex l-esperti fis-settur m’humiex ser jiġu Malta. Dan għax ma jaqblilhomx minħabba l-fatt li l-Malti ntilef f’regħba biex jikseb kemm jista’ flus fl-iqsar żmien possibbli.
Ir-riperkussjonijiet ta’ dawn l-azzjonijiet qed jinħassu diġà, b’mod speċjali hekk kif fl-aħħar ġranet kumpaniji kbar ħabbru li ser jimxu ‘l barra minn pajjiżna jew mhux ser ikomplu l-investiment tagħhom fi xtutna.
Fost dawn il-kumpaniji hemm LeoVegas u Yggdrasil li kienu fost l-ikbar kumpaniji tal-gaming u tal-iżvilupp tal-logħob f’Malta, illi abbandunaw il-pjanijiet tagħhom li jkabbru bl-investiment fil-gżejjer Maltin.
L-istess artiklu jiddikjara li realistikament, l-industrija mhux ser tispiċċa fl-immedjat, iżda huwa fatt magħruf illi frott tan-nuqqas ta’ attenzjoni, il-‘boom’ li din l-industrija gawdiet f’Malta issa spiċċat, u l-Malti għandu jieħu tagħlima minn din id-disfatta li laqtet li ġabet ir-rovina ta’ din l-industrija.
//= $special ?>