Lokali

Is-sidien tar-ristoranti nkwetati biż-żieda fil-prezz tal-lift

M’għadux b’xejn biex tinżel mill-Barrakka ta’ Fuq

Bosta jinsabu rrabbjati wara li ttieħdet deċiżjoni li mill-lum, 10 ta’ Frar, persuni li jixtiequ jużaw il-lift li jinsab fil-Barrakka ta’ Fuq iridu jħallsu €1, ankè biex jinżlu minnu lejn il-Port il-Kbir.

S’issa l-persuni li jużaw dan il-lift kien ikollhom iħallsu biss minn isfel għal fuq u mhux viċe versa wkoll. Preżentament dan il-lift huwa mmexxi minn Barrakka Company Ltd – wara li ngħataw kuntratt ta’ 10 snin mill-Ministeru għat-trasport lura fl-2016.

Ftit inqas minn 4 snin ilu, din il-kumpanija kienet għamlitha ċara li l-prezz ma kienx ser jinbidel madanakollu issa jidher li l-mużika nbidlet.

Dan wara li kelliema għall-kumpanija spjegat li ħassew il-ħtieġa li wasal iż-żmien li jibdew jitolbu l-flus għaż-żewġ direzzjonijiet l-għaliex ir-raġunament li qed jaddottaw hija li l-ispejjeż marbuta mal-lift huma relatati kemm għal meta jitla’ u ankè meta jinżel. Huma saħqu li fil-kuntratt, 4 snin ilu, Transport Malta kienet tathom l-opzjoni li jalteraw il-prezz.

L-istess Transport Malta ma rat xejn ħażin fiż-żieda tal-prezz bl-istess raġunament tal-kumpanija – il-lift jitla’ u jinżel. Iżda żiedu raġuni oħra – l-ugwaljanza. Hekk hu, kelliem għal Transport Malta saħaq li kien hemm diskriminazzjoni bejn min jitla’ jew min jinżel – l-għaliex wieħed kien iħallas u l-ieħor le.

Il-lift – li nfetaħ lura f’Diċembru tal-2012, taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi, b’investiment ta’ €2 miljun – wassal għal eluf ta’ turisti kemm sabiex iżuru l-Barrakka ta’ Fuq kif ukoll sabiex jinżlu lejn il-Valletta Waterfront.

U hawnhekk fejn qed iqumu l-ħsibijiet l-għaliex diversi sidien ta’ stabbilimenti biswit il-Port stqarrew li jinsabu inkwetati għall-implikazzjonijiet li din id-deċiżjoni taf iġġib magħha. Huma saħqu li l-fatt li biex tiżel mill-Belt għal isfel kien b’xejn kienet taġevola lill-pubbliku jinżel, issa li trid tħallas wieħed jaf jaħsibha darbtejn.

Dan hekk kif qabel stajt tuża l-lift biex tinżel l’isfel mingħajr ma jkollok biljett u issa kull min juża dan is-servizz irid ikollu biljett.

Huma temmew jgħidu li suppost kulħadd qiegħed jaħdem għal għan wieħed biex jaġevolaw il-kummerċ, u mhux jagħmluh aktar ta’ sfida.